Niżfnu l-Parata

L-istudenti tat-tielet sena ħadu sehem f’attività bl-isem Niżfnu l-Parata.  Din l-attivita’ ġiet imtella’ minn Heritage Malta, l-għalliema tad-drama fi ħdan id-Dipartiment tas-Servizzi Edukattivi u l-Parroċċa ta’ San Lawrenz ġewwa l-Birgu.
Matul din l-attività l-istudenti tgħallmu kif l-ewwel ċelebrazzjonijiet tal-Karnival f’Malta saru fi żmien il-Kavallieri.  Matulhom kienet tiġi ċċelebrata r-rebħa tal-Assedju l-Kbir permezz taż-żifna tal-parata. It-tfal tagħna kellhom l-opportunità li jesperjenzaw din il-parata billi mhux biss jarawha, imma saħansitra jieħdu sehem fiha wkoll.  Xi wħud minnhom libsu l-kostum tal-Kavallieri ta’ San Ġwann waqt li oħrajn libsu dak tat-Torok u tqabdu flimkien f’żifna ħelwa.
Huma ltaqgħu wkoll ma’ diversi personaġġi storiċi bħal Sir Oliver Starkey u l-Granmastru La Vallette kif ukoll żaru l-Collacchio ġewwa l-Birgu – il-post fejn kien hemm il-bereġ tal-Kavillieri ta’ San Ġwann meta kienu jgħixu ġewwa l-Birgu.  Kellhom ukoll iċ-ċans li jaraw l-elmu u x-xabla li La Vallette uża waqt l-Assedju l-Kbir.

This slideshow requires JavaScript.

Aqra u Irrifletti – TLETT IĦBIEB JEW TLIET GĦEDEWWA?

Ix-xahar ta’ Frar iqiegħed flimkien tliet avvenimenti li jolqtuna mill-qrib: Il-Karnival, ir-Randan u Jum San Valentinu. Forsi dawn jidhru m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Anzi xi wħud jistgħu jaħsbu li dawn huma kważi tliet għedewwa. Il-Karnival hu żmien il-bluha, waqt li r-Randan huwa żmien il-penitenza. Jum San Valentinu huwa l-aktar tan-namrati żgħażagħ li għandhom moħħhom fuq il-werqa waqt li r-Randan huwa żmien is-serjeta’.

Ejjew naħsbu ftit. Il-Karnival fih ħafna bluha. Imma jista’ wkoll ifisser FERĦ. Ir-Randan ma jfissirx biss penitenza u dwejjaq iżda jfisser VERITA’. San Valentinu jfisser ftit kummerċ imma jfisser ukoll IMĦABBA.

U x’taħsbu illi jiġri jekk f’xahar wieħed tqiegħed flimkien il-FERĦ, Il-VERITA’ u l-IMĦABBA? Żgur li joħroġ bniedem sħiħ u qalbu mimlija. Joħroġ bniedem ħieles tassew minn kull ma jnikktu, jħawwdu u jkissru.

Din hi l-aħbar tajba li jġibilna dan ix-xahar: il-ferħ huwa tassew possibli f’qalb il-bniedem jekk bil-verita’ u bla biża’ jfittex l-imħabba vera.

Ghaldaqstant, dan ix-xahar nippruvaw:

  • NIĊĊELEBRAW…Mhux fuq karru tal-karti jgħajjat… iżda f’qalb tfawwar b’ferħ veru.
  • NIDĦKU kemm nifilħu… Mhux b’daħka maskra iżda bi tbissima ġenwina ġejja mill-qalb.
  • INĦOBBU U NINĦABBU…. Mhux b’kartolina u bil-paroli, iżda b’imħabba li lesta tissallab u tmut għal dak li tħobb.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSCD)