Qalgħuhieli ‘Tikka’ għax, għalkemm għandi ħdax –il sena, ma nafx naqra jew nikteb… lanqas tikka!
Meta f’April kellna Jum il-Ktieb, jien għidt lill-ħabiba tiegħi Nina: “Dan mhux għalija għax jien ma nafx naqra jew nikteb!” Hi weġbitni: “Jekk ma tafx taqra jew tikteb, tisma’ xi storja tinqara taf… tara l-istampi taf. Qabel ma kien hawn il-kotba, mhux bil-fomm kienu jirrakuntaw l-istejjer u kull ma riedu jgħidu għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra? U, wara kollox, dejjem tista’ tgħid dak li għandek xi tgħid u xi ħadd jiktibhielek.”
Għoġbitni din l-idea għax ilni ħafna naħseb fuq din l-imbierka kelma: ‘tikka’ għax kull meta nisma’ din il-kelma donnha għalija jkollha tifsira speċjali. Nisma’ lill-għalliema tgħidilna li t-tikka importanti li nagħmluha biex nuru li rridu nieqfu… U jien niftakar meta nkun miexja u nasal f’tarf il-bankina. Ngħid: ‘hawn irrid nagħmel tikka, issa biżżejjed; irrid nieqaf.’ Nagħmlu wkoll tikka fuq xi ittri. Hekk l-istess ittra, meta tagħmlilha t-tikka, tibdel il-ħoss tagħha.
Qatt ħaristu lejn is-sema f’lejl bla sħab? Is-sema tkun miżgħuda bit-tikek jiddu. Kemm kwiekeb jilmgħu ‘l bogħod! Tikka waħedha ma tfisser xejn, iżda ħafna tikek żgħar jimlew is-sema bi ġmiel liema bħalu. Għal ħafna nies huma biss kwiekeb, iżda għal min jifhem kull waħda jagħrafha b’isimha. Kull tikka hija pjaneta, dinja, xemx… u jekk tiċċaqlaq waħda minnhom taffettwa s-sema kollu.
Jekk tħares mill-qrib lejn ritratt ta’ gazzetta tintebaħ li hu magħmul minn eluf kbar ta’ tikek. Flimkien jagħmlu dawk ir-ritratti sbieħ. L-istess l-istampa ta’ fuq television jew kompjuter. Eluf ta’ tikek żgħar, kull waħda qisha ma tiswa xejn, imma flimkien mal-oħrajn tagħmel stampi li jsaħħruk.
X’inhi x-xita, jekk mhux ħafna qtar neżlin flimkien? X’inhu l-baħar, jekk mhux ħafna qatriet ilma miġbura flimkien? X’inhi foresta, jekk mhux ħafna weraq żgħar u kbar li jikbru flimkien? X’inhu palazz, jekk mhux ħafna blokki tal-ġebel imqiegħda fuq xulxin? X’inhu ż-żmien, jekk mhux ħafna sekondi li jsiru sigħat, ġranet u snin. X’inhi l-ħajja jekk mhux ħafna atti ta’ mħabba magħmula kuljum?
Kull meta xi ħadd jgħajjarni li jien “tikka” niftakar kemm hi importanti kull tikka li teżisti fil-ħajja. Meta fhimt dan kollu qatt ma stajt inħares lejn xi ħadd bħala ‘tikka’, imma bdejt nirrispettah u nħobbu aktar… imqar daqs tikka!
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)