Home

Aqra u Irrifletti – Leġġenda tal-Milied

Fil-bidu, meta d-dinja kienet għadha vojta, it-tfal kienu kollha fil-ġenna, ferħanin, jilagħbu flimkien, igawdu s-sabiħ kollu li wieħed jista’ jimmaġina! Jum fost l-oħrajn, il-Mulej ġabarhom madwaru u qalilhom: “Ara, id-dinja li għadni kemm ħlaqt għadha vojta u battala. Kont beħsiebni nibgħatkom fiha biex timlewha bil-preżenza, bil-ferħ u bl-innoċenza tagħkom!”

Xi tfal qalulu: “Immorru, iżda rridu nieħdu magħna l-mużika u l-għana li hawn fil-ġenna, għax kif nistgħu ngħixu mingħajr mużika?” U l-Mulej ħalaq l-għasafar!

Tfal oħra qalulu: “Immorru, iżda rridu nieħdu magħna l-kuluri li hawn fil-ġenna, għax kif nistgħu ngħixu f’dinja kulur wieħed, aħna mdorrijin bil-varjetà?” U l-Mulej ħalaq il-ward!

Kien hemm tfal oħra li qalulu: “Aħna nixtiequ nieħdu magħna l-wisa’ u l-blu tas-sema, għax kif nistgħu ngħixu mingħajr dan is-sens ta’ libertà?” U l-Mulej ħalaq il-baħar!

Imbagħad, daqsxejn ta’ tifel, timidu u mistħi ħafna, refa’ sebgħu biex jitkellem u jagħmel is-suġġeriment tiegħu. Qallu: “Mulej, jekk tridni mmur fid-dinja, ikolli mmur, ma nistax ma nobdikx, imma, jekk jogħġbok, ħaġa waħda nitolbok… Ejja miegħi int! Għax kif nista’ ngħix mingħajrek?”

Alla ħares lejn iċ-ċkejken, għannqu miegħu u qallu: “Bil-qalb kollha.” U dakinhar il-Mulej ħalaq l-ewwel Milied.

Minn qalbna nawgurawlkom il-Milied it-tajjeb!

L-għalliema tal-PSCD

Il-kunċert tal-Milied

Għeżież Ġenituri

Il-kunċert tal-Milied ser isir nhar il-Ħamis 21 ta’ Diċembru fid-9am.  Dakinhar intom mistiedna tiġu taraw il-kunċert kollu.  Nitolbukom li ġġibu magħkom il-biljett għall-entratura.  Għat-tfal kollha dakinhar tkun ġurnata normali, jiġifieri l-iskola tispiċċa fis-2.15pm għat-tfal tal-kinder u fis-2.30pm għat-tfal tal-primarja.  Nitolbukom tikkoperaw magħna għas-sigurta’ tat-tfal.  Se jkun provdut is-servizz ta’ fotografu. Nixtieq infakkarkom ukoll fid-Data Protection Act.

Grazzi

N. Saliba

Il-Festa ta’ San Nikola

Kull sena, fis-6 ta’ Diċembru l-iskola Primarja tas-Siġġiewi tiċċelebra bil-kbir il-festa ta’ San Nikola – il-patrun tas-Siġġiwin.  Dakinhar it-tfal jilbsu ta’ personaġġi li jissemmew fl-istorja ta’ San Nikola bħal ngħidu aħna t-tliet xebbiet, il-baħrin u San Nikola. Personaġġi oħra jinkludu l-granmastru Hompesch u Dun Salvo Curso.  Barra dawn il-personaġġi jieħdu sehem ukoll l-iscouts u l-abbatini. Tfal oħra jagħtu sehemhom billi jerfgħu l-istatwa ta’ San Nikola, il-bandalora, il-lanterni, il-fjuri, it-tabelli, l-manna, ix-xemgħa u l-ħobż – dawn tal-aħħar jirrappreżentaw simboli mill-istorja. Din tizvolġi f’purċissjoni twila bil-parteċipazzjoni ta’ tista’ tgħid it-tfal tal-iskola kollha.  Dan kollu jista’ jsir biss bl-għajnuna ta’ ħafna nies li jgħinu lill-iskola biex tkun tista’ tiġi organizzata din il-purċissjoni tassew sabiha.  F’din il-festa jingħaqdu magħna wkoll iż-żewġ baned tar-raħal, l-għaqda tal-armar u għall-ewwel darba kellna wkoll il-parteċipazzjoni tal-kunsill lokali. Fil-festa ta’ din is-sena nġabru flus għall-Istrina, u b’hekk kellna l-unur li jingħaqad magħna s-Sur Preca li faħħar lit-tfal għall-entużjażmu tagħhom. 
 
N. Saliba

This slideshow requires JavaScript.