Biex titfakkar il-festa ta’ San Nikola, nhar it-Tlieta 6 ta’ Diċembru, l-iskola Primarja tas-Siġġiewi organizzat festa f’ġieh dan il-qaddis. Mill-iskola ħarġet purċissjoni bl-abbatini, tfal iġorru statwa ta’ San Nikola u tifel liebes tal-qaddis patrun. Membri tal-iScouts u l-banda San Nikola tas-Siġġiewi akkumpanjaw il-purċissjoni. It-tfal kollha tal-iskola ħadu sehem f’din il-purċissjoni li bdiet mill-iskola u mxiet sal-pjazza tar-raħal. Matulha spikka l-entużjażmu u ċ-ċapċip tas-Siġġiwin li bħas-soltu attendew bi ħġarhom.
Minn fuq id-djar u l-każini tal-baned inxteħtu l-karti li komplew ħolqu atmosfera ta’ festa. Il-purċissjoni daħlet fil-knisja fejn ġiet ikkonċelebrata quddiesa biex titfakkar il-275 sena mill-miġja tal-vara ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.