Inawgurazzjoni tas-Sala u TalenTagħna

Fl-14 ta’ Ġunju 2013 l-iskola Primarja Siġġiewi ċċelebrat ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni li dam sejjer sentejn fis-sala.  F’din l-okkazjoni ġew inawgurati kemm is-sala bit-tibdiliet fil-palk, fuq il-faċċata tiegħu li nksiet bl-injam u rħama bl-isem tal-iskola fil-foyer.  Ġiet inawgurata wkoll kamra fejn jiġi ppreparat ikel bnin mit-tfal.  Din tintuża wkoll għall-okkażjonijiet li jsiru fis-Sala. Dakinhar ukoll, is-Sala ġiet imsemmija għal Patri Ġuże’ Delia, peress li l-iskola kienet imsemmija għalih fil-passat.  Minħabba f’dan, l-okkażjoni bdiet bit-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument ta’ Ġuże’ Delia li qiegħed biswit is-sala stess.  Ħadu sehem is-sindku tas-Siġġiewi, l-Għaqda Kulturali Siġġiewi, id-Direttur Ġenerali tal-Edukazzjoni u uffiċjali tad-Direttorat, l-Arċipriet, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Injazju,  il-Kap u l-President tal-Kunsill tal-iskola. Il-banda tal-grupp tal-iScouts tas-Siġġiewi ferrħu lil kulħadd bid-daqq tagħhom matul iċ-ċerimonja kollha.

Fis-sala nkixfu x-xogħlijiet taċ-ċeramika magħmula mit-tfal.  Kull student tas-sena skolastika ta’ qabel ħoloq maduma bit-tafal bis-suġġett: Il-Kampanja.  Dawn ġew immuntati u ħolqu disa’ xogħlijiet tal-arti li sebbħu u mlew il-ħitan tas-sala.

Is-serata kompliet bit-talenti ta’ żfin, kant u reċtar minn studenti, għalliema, membri oħra tal-istaff u anke l-ġenituri.

Il-Volontarjat fl-iskola tagħna

Jiena Nathan Borg u għandi sitt snin.  Jien il-PRO tat-tim tal-Eko-Skola, fl-iskola primarja tas-Siġġiewi. Dan it-tim magħmul minn tnax-il tifel u tifla.  Aħna ġejna  magħżula  minn sħabna tal-klassi.  Niltaqgħu darba fil-gimgħa  biex niddiskutu kif nistgħu ntejbu l-ambjent ta’ madwarna u norganiżżaw xi attivitajiet.

Din is-sena qegħdin naħdmu  l-aktar fuq it-tema tal-volontarjat.  Organiżżajna attivitajiet varji li għandhom x’jaqsmu ma’ din it-tema. Stedinna grupp ta’ refuġjati biex nitgħallmu dwar pajjiżhom u t-tradizzjonijiet tagħhom. Fi żmien il-Milied, għamilna festin għall-anzjani tar-raħal. Organiżżajna  flimkien mal-‘Abandoned Animals Association’ numru ta’ mixjiet fejn ħriġna l-klieb ta’ din l-għaqda u ġbarnielhom il-flus.

L-aħħar attivita’ li organiżżajna kienet ‘Fun Walk’ mill-iskola tagħna għad-Dar tal-Providenza. F’din il-mixja ħadu sehem ġenituri, tfal tal-iskola, għalliema u anki qraba. Kienet attivita’ li tinvolvi ħafna xogħol iżda ħadna pjaċir ħafna waqt il-mixja. Barra minnhekk, irnexxielna niġbru elf ewro  għad-Dar tal-Providenza.  Nixtieq nirringrazzja lil kull min ta sehemu biex din il-mixja tkun suċċess. Aħna t-tfal ħadna ħafna esperjenzi ġodda bħal kif tgħin lil min hu fil-bżonn, kellna esperjenza ta’ riklamar fuq ir-radju u esperjenzi oħra li qabel qatt ma konna għamilniehom.

Nathan Borg (PRO)

Student tat-Tieni Sena.

This slideshow requires JavaScript.