X’DIFFERENZA!
William kien tabib speċjali. Mhux ta’ b’xejn li sar wieħed mill-iktar tobba magħrufa fl-istorja tal-mediċina.
Darba daħal fis-sala tat-tfal u feraħ meta nnota lit-tfal kollha miġburin jilagħbu f’rokna. Imma stagħġeb meta dawwar wiċċu n-naħa l-oħra u, waħedha f’rokna, ra tifla żgħira bilqiegħda fuq is-sodda tgħannaq magħha pupa ħelwa.
Meta staqsa għaliex dik it-tifla kienet waħedha, l-infermiera inkarigata mis-sala weġbitu li dik it-tifla kienet imwarrba mit-tfal l-oħra kollha. Ommha kienet mejta u missierha ma kienx ġie jaraha ħlief darba biss meta ġibilha dik il-pupa li kienet iggranfata magħha. Wara dik iż-żjara ħadd qatt ma ġie jaraha iżjed. Minħabba f’hekk it-tfal l-oħra kienu warrbuha għax ħasbu li kienet xi ftit stramba u tħobb toqgħod weħidha.
F’okkażjonijiet bħal dawn, William kien joħroġ il-kapaċitajiet kbar tiegħu. Resaq bil-mod lejn is-sodda tat-tifla u staqsiha “Nista’ noqgħod ħdejk?” Għamel din il-mistoqsija b’vuċi għolja biżżejjed biex jisimgħuh it-tfal kollha li kienu jilgħabu fit-tarf l-ieħor tas-sala.
“Illum ma nistax indum ħafna,” qalilha, “imma ridt inkun żgur li narak.” Għajnejn it-tifla xegħlu bil-ferħ! It-tabib qatta’ ftit ħin jitkellem magħha, b’vuċi baxxa, b’ton ta’ segretezza. Staqsiha kif kienet is-saħħa tal-pupa u talabha biex jeżaminaha, biex jara hix marida. It-tifla daħlet fil-logħba tiegħu.
Imbagħad qam biex jitlaq. Din id-darba b’vuċi għolja, b’mod li kulħadd jista’ jisimgħu, qal lit-tifla: “Issa tinsiex is-sigriet ta’ bejnietna. Qis li ma tgħid lil ħadd!”
Qabel ħareġ it-tabib reġa’ ħares lura. It-tfal kollha kienu diġa’ daru magħha jistaqsuha x’kien is-sigriet. Kienet saret iċ-ċentru tal-attenzjoni…
X’differenza tagħmel daqsxejn ta’ delikatezza mat-tfal… u mal-kbar!
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)

