Kors ta’ Parenting Skills – Għodda f’idejn il-Ġenituri

Għodda f’idejn il-Ġenituri

Għan

L-Għan ta’ dan il-kors hu sabiex permezz ta’ qsim ta’ esperjenzi niskopru metodi differenti u effettivi ta’ trobbija fiż-żminijiet tal-lum. Fost is-suġġetti li se niddiskutu nsibu:

  1. Liema stil ta’ tmexxija qed nużaw biex ikollna riżultati mixtieqa?
  2. Kemm tabilħaqq qed ninkoraġġixxu lil uliedna jibnu stima tagħhom infushom?
  3. Kemm qed nifhmu l-imġiba u l-għanijiet ta’ wliedna?
  4. X’nifhmu b’responsabbiltà?
  5. Kemm hemm komunikazzjoni effettiva fil-familja tagħna?
  6. Kemm aħna mudelli effettivi biex uliedna ma jaqgħux vittmi tad-droga?

(b’żagħżagħ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħna fuq x’wassalhom għad-droga).

Importanti ħafna li tattendu jekk jista’ jkun bħala koppja għal dan il-kors tant meħtieġ fiż-żminijiet tal-lum. Tajjeb li ninvestu ftit sigħat għall-ġid tal-għeżież uliedna.

Il-kors jikkonsisti:

F’sitt laqgħat ta’ sagħtejn il-waħda (laqgħa darba fil-ġimgħa) fis-sala tal-iskola.

Dan il-kors huwa bla ħlas. Min se jattendi importanti li jixtri ktieb informattiv dwar il-kors li jiswa €5.

Applikazzjoni mill-iskola.

Aqra u Irrifletti – KEMM JISWA MIRAKLU?

Patricia, tifla żgħira, marret f’kamritha u ġabet il-karus. Qalbitu rasu ’l isfel, firxet il-flus mal-art u għaddet bir-reqqa għal darba, darbtejn, tlieta. It-total kellu jkun eżatt… M’hemmx lok għal żbalji.

Waqt li poġġiet il-flus lura fil-karus, żgiċċat mill-bieb ta’ wara u ġriet għal għand l-ispiżjar. Waslet għandu u stenniet bil-paċenzja kollha biex tiġbed l-attenzjoni tiegħu, imma kien aljenat jagħmel xi ħaġa oħra. Patricia poġġiet sieq fuq oħra biex tagħmel daqsxejn ħoss. Għalxejn. Qaħqħet bl-iktar ħoss diżgustanti li setgħet. Xejn. Fl-aħħar qabdet munita mill-karus u ħabbtitha tnejn mal-‘counter’. Fl-aħħar!

“X’għandek bżonn?” staqsieha l-ispiżjar b’ton ta’ wieħed irritat. “Bħalissa qed nitkellem ma’ ħija li ili ma nara żmien u għomor,” qalilha mingħajr ma stennieha tirrispondi għall-mistoqsija tiegħu. “Jien nixtieq inkellmek fuq ħija!” wieġbet Patricia bl-istess ton. “Għandi ħija marid ħafna ħafna u għalhekk nixtieq nixtri miraklu.”

“Skużi?” qalilha l-ispiżjar. Malajr weġbitu, “Ħija jismu Andrew u għandu xi ħaġa ħażina qed tikber f’rasu u missieri qed jgħid li miraklu biss jista’ jsalvah issa. Għidli, kemm jiswa miraklu?” L-ispiżjar kien bejn ħalltejn jitbissimx inkella jgħid xi ħaġa biex jeħles mit-tifla. “Aħna ma nbigħux mirakli hawn, sabiħa. Skużani ma nistax ngħinek.” Imma t-tifla insistiet, “Ismgħani, hawn għandi l-flus biex inħallas għalih… Jekk m’għandix biżżejjed, inġiblek il-bqija. Kemm tgħidli kemm jiswa.”

Ħu l-ispiżjar kien raġel liebes pulit. Tbaxxa ftit u staqsa lit-tifla, “X’tip ta’ miraklu għandu bżonn ħuk?”   It-tifla wieġbet, “Ma nafx, kull ma naf hu li marid ħafna u għandu bżonn operazzjoni. Imma missieri m’għandux flus, allura xtaqt nuża’ l-flus tiegħi…”

“Kemm għandek flus?” staqsieha ħu l-ispiżjar. “Ewro u ħdax -il ċenteżmu” qaltlu Patricia minn taħt l-ilsien. “Daqshekk biss għandi, imma jekk trid nista’ nġiblek iktar.” “X’kumbinazzjoni!” tbissem dak. “Ewro u ħdax –il ċenteżmu. Il-prezz eżatt ta’ miraklu għall-aħwa ċkejknin!” Ħadilha l-flus u waqt li qabadha minn idha, qalilha: “Ħudni d-dar fejn toqogħdu. Nixtieq nara lil ħuk u niltaqa’ mal-ġenituri tiegħek. Ejja naraw jekk għandix il-miraklu li għandek bżonn.”

Dan ir-raġel liebes pulit kien tabib famuż, kirurgu li jispeċjalizza fl-operazzjonijiet tal-moħħ. Meta ra lit-tifel u kemm kienu fqar, it-tabib ma ħasibhiex darbtejn. Irranġa biex lit-tifel joperah hu stess u kollox spejjeż għalih. L-operazzjoni rnexxiet u Andrew ma damx ma reġa’ lura d-dar qawwi u sħiħ.

Omm u missier Andrew ma kinux jafu kif jaqbdu jirringrazzjaw lil dak it-tabib-anġlu li kien ġie jżurhom bis-saħħa ta’ Patricia. U ommha, ferħana se ttir għall-fejqan ta’ binha kienet spiss tirrakkonta kif Alla bagħat dan it-tabib twajjeb biex isalva lil binha. Kienet tgħid, “Din l-operazzjoni kienet miraklu. Min jaf kemm kienet tiswa’ flus?” Patricia kienet biss titbissem minn taħt. Hi kienet taf eżattament kemm kienet tiswa…  Ewro u ħdax il-ċenteżmu!

F’ħajjitna, ħadd ma jaf kemm isiru mirakli biex ħajjitna tibqa’ sejra. Imma l-akbar mirakli mhumiex il-meravilji li jsiru fil-ġisem tagħna, imma dawk li jsiru permezz tat-tjubija li tinsab f’qalb il-bniedem.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSCD)