Għadna kemm ippubblikajna l-Kalendarju ta’ Marzu. Biex tarawh tistgħu tidħlu fil-paġna tal-kalendarju.
Category: Newsletter
Aqra u Irrifletti – AUTO-GOAL…
Player tal-Football għamel żball kbir li tellef lit-team tiegħu logħba importanti taċ-Championship. Kien qed jiddefendi l-lasta meta ra l-ballun ġej b’mod perikoluż ħafna qrib il-lasta. Għola kemm felaħ biex jilħqu b’rasu. Il-ballun laħqu, kieku, imma d-daqqa ta’ ras li tah marritlu fid-direzzjoni l-ħażina u flok żvija l-ballun, daħħlu dritt fil-lasta tiegħu stess. Il-goaler baqa’ ċċassat lejn il-ballun u s-supporters riedu jiżbranawh, povru player. Beda jirċievi ħafna ittri u emails minn partitarji rrabjati għalih biex jattakkawh u anke saħansitra wħud li għeddewh li joqtluh.
Owen, tifel ta’ seba’ snin u li huwa supporter kbir ta’ dan it-team ukoll ħassu frustrat u rrabjat għall-iżball li għamel dan il-player. Infaqa’ jibki u waqt li beda jolfoq, lil missieru qallu: ‘Imma… kif jista’ jkun jagħmel żball bħal dak?’
Missieru biex jipprova jikkalmah qallu: ‘Jekk inti qed tħossok daqshekk dispjaċut, aħseb u ara hu, miskin, min jaf kif qed iħossu?’
Owen waqaf u wara li ħaseb ftit staqsa ’l missieru: ‘Nista’ niktiblu ittra ħalli jħossu aħjar?’ L-ittra kienet tghid hekk:
“Għażiż goaler,
Għadna kemm rajna l-logħba. Jiddispjaċini għalik imma ridt ngħidlek illi kellek staġun tajjeb ħafna. Għandek tkun kburi, u għalhekk nixtieq nirringrazzjak. Kulħadd jista’ jieħu żball. Jien l-aqwa ammiratur tiegħek.”
Daqsxejn ta’ kelma tajba f’waqtha ta’ missier bidlet il-biki, rabja u frustrazzjoni ta’ ibnu f’sentiment ta’ ħniena. Ġagħlitu jħoss għall-goaler, flok jibqa’ rrabjat għalih.
Kull weġgħa tal-ħajja ġġib magħha reazzjoni ta’ rabja f’qalbna. Imma kull weġgħa tal-ħajja tista’ tkun pont biex nagħrfu xi jħoss min hu mweġġa’ bħalna. Liema waħda se nagħżlu – ir-rabja jew il-ħniena?
Owen tgħallem din il-lezzjoni meta kellu seba’ snin. U int, li qed taqra dan, kemm-il sena għandek?
L-għalliema tal-PSCD.
Il-Kalendarju ta’ Frar 2018
Għadna kemm ippubblikajna l-Kalendarju ta’ Frar. Biex tarawh tistgħu tidħlu fil-paġna tal-kalendarju.