Darba waħda fuq gżira kienu joqogħdu flimkien l-emozzjonijiet. Kien hemm l-Ferħ, id-Dwejjaq, l-Għerf u anki l-Imħabba. Ġara li darba tawhom l-aħbar li l-gżira kienet ser tegħreq. Bdew il-preparazzjonijiet sabiex jaħarbu. L-emozzjonijiet kollha kellhom dgħajsa biex jitilqu… minbarra l-Imħabba.
L-Imħabba baqgħet tittama sal-aħħar. Baqgħet hemm sa ma kważi l-gżira kienet għerqet kompletament. Meta rat li ma kienx hemm iktar x’tagħmel, talbet l-għajnuna.
Iltaqgħet mar-Rikkezza u qaltilha “Rikkezza tista’ ttellgħani fid-dgħajsa miegħek?”
Iżda r-Rikkezza qaltilha “Jiddispjaċini imma m’hawnx post għalik. Għandi ħafna deheb, flus u fided” u baqgħet sejra.
Fil-pront rat lill-Vanita’ għaddejja fid-dgħajsa sabiħa tagħha u staqsietha “Vanita’ tista’ ttellgħani fid-dgħajsa miegħek?”
“Jiddispjaċini, imma jekk titla’ xxarabli kollox u wisq nibża’ li nagħmel il-ħsara lid-dgħajsa sabiħa tiegħi” weġbitha pronta l-Vanita’.
Ftit wara rat għaddejja lid-Dwejjaq u l-Imħabba staqsietha “Dwejjaq tista’ ttellgħani fid-dgħajsa miegħek?”.
“Jiddispjaċini għażiża Imħabba imma tant għandi dwejjaq u tant għandi qalbi maqsuma li għandi bżonn noqgħod ftit waħdi” u baqgħet sejra.
L-Imħabba ma qatgħetx qalbha u hekk kif rat lill-Ferħ għaddejja bdiet tgħajjat u twerżaq, iżda l-Ferħ tant kienet mitlufa fil-ferħ tagħha li anqas biss semgħet l-għajjat tal-Imħabba u baqgħet sejra qisu qatt ma kien xejn.
F’daqqa waħda l-Imħabba semgħet vuċi anzjana ssejħilha “Ejja Imħabba ejja. Trid tiġi miegħi?” U mingħajr ma ħasbitha darbtejn telgħet miegħu.
L-Imħabba tant kienet ferħana li fl-aħħar sabet lil xi ħadd li għenha li anqas biss staqsietu min kien.
Hekk kif kienu salvi, l-Imħabba ndunat li anqas biss kienet irringrazzjat lil dik il-vuċi anzjana. Għalhekk b’kurżita’ kbira daret lejn l-Għerf li inzerta kien ħdejha wkoll u staqsietu “Dak li għenna min kien?”.
“Dak?” weġbiha l-Għerf. “Dak ma kien ħadd ħlief iż-Żmien”.
“Iż-Żmien?” staqsiet iktar imħawda l-Imħabba. “Dan għaliex iż-Żmien kellu jgħin propju lili, l-Imħabba?”
“Għax iż-Żmien biss jaf japprezza l-vera l-valur tal-Imħabba” weġibha fl-aħħar l-Għerf.
Tislijiet,
Josette Attard
Elisa Delia
Doreen Aquilina
Claire Privitera
Għalliema tal-PSD – 2012/2013