Aqra u Irrifletti

TAĠEN AKBAR

Żewġt irġiel marru jistadu. Wieħed minnhom kien espert fis-sajd u l-ieħor ma kienx. Kull darba li l-espert kien jaqbad ħuta, kien ipoġġiha fil-basket bis-silġ biex tibqa’ friska. Kull meta l-ieħor kien jaqbad ħuta, kien jerġa’ jarmiha lura fil-baħar. L-espert kien ilu josserva din il-biċċa  xogħol  għal ġurnata sħiħa. Fl-aħħar ma felaħx aktar jarah jaħli dak il-ħut kollu. “Għaliex qed terġa’ twaddab dak il-ħut tajjeb kollu fil-baħar?” staqsa lil sieħbu.

“Għax jien kull m’għandi hu taġen żgħir,” wieġbu l-ieħor.

Xi kultant aħna wkoll nagħmlu hekk. Flok naddattaw ruħna għall-ħajja nippretendu li l-ħajja tadatta ruħha għalina. U, jaħasra, nitilfu opportunitajiet kbar u sbieħ sempliċiment għax nibqgħu imwaħħlin mal-ideat, il-biżgħat, il-qtigħ il-qalb u n-nuqqas ta’ kuraġġ tagħna.

Meta se tibda temmen fik innifsek? Meta se tibda tafda l-ħajja? Meta se tkun lest tirriskja?

Ftit eżempji:

Le…Dak għalxejn tkellmu. Anqas biss lest jisimgħek!

Le…Min jitwieled tond ma jmutx kwadru. Jien hekk magħmul u għalxejn noħlom li xi darba se ninbidel.

Le…Dik żġur ma nsajjarhiex. Anqas qatt ma ppruvajtha!

Mela flok tarmi dak li tagħtik il-ħajja, mhux aħjar tiftaħ u tkabbar qalbek biex tilqgħu. L-itjeb platti tal-ħajja mhux fit-taġen isiru, imma fis-sħana ta’ qalb taħraq!

Tislijiet,

Doreen Aquilina

MarieClaire Sammut

(Għalliema tal-PSD)

Nirriflettu ftit: Imħallsa b’tazza ħalib.

Għeżież ġenituri u carers.  Wasalna fix-xahar ta’ Ġunju.  Dan ifisser li bilmod il-mod sena oħra skolastika qed tasal fi tmiemha.  Filwaqt li nawguraw lill-istudenti kollha li ser jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena, nixtiequ minn issa nawgurawlkom ukoll Sajf sabiħ mimli mistrieħ.  Din ser tkun l-aħħar storja li ser naqsmu magħkom għal din is-sena pero b’tama li niltaqgħu s-sena d-dieħla.  Ħalli naraw naqra tazza ħalib x’tista’ qatt tfisser!

Kien hemm tifel fqir li biex ikun jista’ jkompli l-istudji tiegħu fl-iskola kellu jaħdem. Għalhekk kien idur bieb bieb ibigħ xi affarijiet u ġurnata wahda sab li kien għad fadallu biss 10ċ.  Dakinhar verament kien bil-ġuh u ddeċieda li fil-bieb li kien imiss iħabbat jitlobhom xi ħaġa tal-ikel.  Imma naqaslu l-kuraġġ u staħa meta il-bieb li ħabbat fetħitlu tfalja gustuża.  Minflok ikel talabha biss għal tazza ilma.  It-tfalja tħassritu meta ratu daqshekk bil-ġuh u wara ftit ġiet b’tazza kbira mimlija bil-ħalib.  It-tifel xorobha bilmod u x’ħin kien lest staqsieha, “Kemm għandi nagħtik ta’ din it-tazza ħalib?”  “M’għandek għalfejn tagħtini xejn, weġbitu hi, “Ommi għallmitni li mhux sew titħallas meta tgħin u tagħmel karita’ ma’ xi ħadd.”  Hu qalilha, “Nirringrazzjak minn qigħ qalbi!”

Hekk kif sellmilha u kompla miexi, Howard Kelly mhux biss ħassu b’saħħtu fiżikament peress li xorob dik it-tazza kbira ħalib, imma reġa’ rabba fiduċja f’Alla u li għad fadal nies b’qalbhom tajba.  Dan l-aħħar kien beda jaqta’ qalbu minn kollox u kien kważi ddeċieda li jieqaf jistudja.

Għaddew is-snin u dik t-tfajla mardet serjament.  It-tobba kollha li marret għandhom ma setgħux jifhmu x’għandha u b’hekk bagħtuha fi isptar ikbar fiċ-ċentru tal-belt, fejn kien hemm speċjalisti biex jistudjaw il-marda rari tagħha bit-tama li jsibu kura għaliha! Dr. Howard Kelly ġie mgħajjat għall-konsulta. Meta sema’ l-isem tar-raħal minn fejn kienet ġejja din il-pazjenta donnu ftakar f’xi ħaġa.  Mill-ewwel mar jiċċekja minn kienet din il-pazjenta u baqa’ sakemm sab is-sala li kienet fiha u daħal ħdejn din il-mara liebes il-ġagaga ta’ tabib speċjalista.  Għarafha fil-pront!  Issa kien ċert li kienet hi u reġa’ mar lura fil-kamra fejn kienet qed issir il-konsultazzjoni, determinat li ser jagħmel dak kollu possibli minnu biex isalvalha ħajjitha! U minn dakinhar beda jagħti attenzjoni speċjali lill-każ tagħha.

Wara taqbida kbira, kif jgħidu l-battalja ġiet mirbuħa.  Dr. Kelly talab li jinħareġ il-kont finali li kellha bżonn dik il-mara, u talab li qabel jagħtuh lilha jgħaddi għandu. Iċċekja li kollox kien sew u kiteb xi ħaġa fin-naħa ta’ isfel tal-kont.  Imbagħad ordna li l-kont jingħata lill-pazjenta li issa kienet fieqet. Min naħa tagħha dik il-mara kienet xi ftit inkwetata qabel tiftaħ il-kont għax kienet ċerta li żgur kienet ser tibqa’ tħallsu kemm iddum ħajja.  Kienet qed tistenna li tara kont għoli! Fl-aħħar għamlet il-qalb u fetħet il-kont u mill-ewwel ġibditilha l-attenzjoni nota miktuba isfel nett.  Il-mara bidet taqra hekk:

“Imħallsa b’tazza ħalib”

Iffirmatha, Dr. Howard Kelly

Tislijiet,

Josette Attard

Elisa Delia

Doreen Aquilina

Nirriflettu ftit:- Il-Ħalliel tal-Gallettini

Għeżież ġenituri u carers, wasalna fix-xahar ta’ Mejju.  Xahar li jimmarka sew ir-Rebbiegħa u temp ferm isbaħ.  Naħseb ġieli smajtuha meta jgħidu aħjar daħka nkella pillola!  L-istorja li għandna għalikom għandha xeħta umoristika bi ħsieb profond, li jekk forsi ma ddaħħakomx ħafna ninsabu ċerti li se toħloq tbissima.

Lejla waħda kien hemm mara qed tistenna f’ajruport għall-vjaġġ li kellha tagħmel.  Billi kien għad baqa’ ħafna ħin mhux ħażin qabel l-ajruplan li kellha titla’ fuqu jitlaq, iddeċidiet li tixtri ktieb minn wieħed mill-ħafna ħwienet li kien hemm.  Xtrat ukoll pakkett gallettini biex tnaqqar waqt li qed taqra, sabet post għall-kwiet u ntasbet bilqegħda taqra.

Għalkemm kienet mitlufa sew fl-istorja li kienet qegħda taqra, xorta waħda ndunat li raġel li kien bilqegħda ħdejha, mingħajr mistħija ta’ xejn beda jieħu mill-pakkett tal-gallettini li kien hemm bejtniethom u  pruvat ma tagħtix kas ħalli ma tinqalax xi xenata.

Kompliet taqra u tiekol mill-gallettini, tħares lejn l-arloġġ waqt li dak il-ħalliel ta’ ħdejha kompla jnaqqsilha mill-pakkett tal-gallettini.  Iktar ma beda għaddej il-ħin iktar bidet tirrita ruħha u f’qalbha bidet tgerger, “Ma kienx ikun ħaddieħor u ma jgħidlu xejn tafx.  Għax il-vera sabni kwieta għax kieku żgur ħaddiehor diġa’ lagħblu xi daqqa ta’ ponn!”

Bdiet tinnota li kull darba li hi tieħu galettina mill-pakkett, hu wkoll jieħu waħda u meta kien għad fadal biss waħda kienet kurjuża ħa tara x’jagħmel.  Bi tbissima fuq wiċċu u b’daħka kemmxejn nervuża, qabad l-aħħar gallettina u qasamha fi tnejn.

Offrielha nofs minnhom filwaqt li n-nofs l-ieħor kielha hu.  Il-mara ħatfet in-nofs l-ieħor b’rabja kbira għall-arronganza li kellu. “Piii għalih, mank kellu d-diċenza juri ftit gratitudni. X’għarukaża ta’ nies hawn!” qalet f’qalbha.

Qatt ma ftakret li ġralha xi ħaġa hekk qabel u ferħet mhux ftit meta kien wasal il-ħin biex titla’ fuq l-ajruplan.  Ġabret l-affarijiet tagħha u telqet għal fuq l-ajruplan bla ma ħarset darba lura lejn dak il-ħalliel ingrat!

Telgħet fuq l-ajruplan, sabet postha u fittxet li tlesti taqra l-aħħar paġni ta’ dak il-ktieb li kienet xtrat. Hekk kif kienet qed tqalleb għall-ktieb fil-basket li kellha, b’sorpriża kbira ħadet qatgħa hekk kif ħasset il-borża tal-pakkett tal-gallettini.  U biex tgħaxxaq il-pakkett kien għadu ġdid! Baqgħet iċċassata tħares bil-pakkett f’idha!

Wiċċha sar vampa nar hekk kif irrealizzat li jekk dak il-pakkett li kellha f’idha kien tagħha, dan kien ifisser li l-pakkett l-ieħor kien ta’ dak ir-raġel li hi kienet pronta ġġudikatu li hu ħalliel!  Hu kien ġentili daqstant li qasam il-pakkett magħha!  B’dispjaċir indunat li issa kien tard wisq biex tiskuża ruħha.

Fil-verita’ kienet hi l-ħalliela, ingrata u arroganti!  Min jaf kemm-il darba jiġrilna li ngħaġġlu wisq qabel niġġudikaw u meta nindunaw ħafna drabi jkun tard wisq.  Hemm bżonn noqogħdu iktar attenti.

Meħudha minn kitba ta’ Valerie Cox in “A Matter of Perspective”

Tislijiet,

Josette Attard

Elisa Delia

Doreen Aquilina