Aqra u Irrifletti – ĦAFNA ‘FTIT’ JAGĦMEL ĦAFNA

Il-kokka, is-simbolu tal-għerf, darba staqsiet lill-ġurdien tal-għelieqi: ‘Kemm tiżen biċċa borra?’ U l-ġurdien wieġeb: ‘Xejn! Daqskemm hi ħafifa l-borra!’

‘Għandek żball!’, wieġbet il-kokka. ‘Mela darba kont fuq zokk ta’ siġra u bdiet nieżla l-borra. Kif għedtli int, kull biċċa borra kienet qisha tajjara żgħira, ħafifa ħafifa, qisha ma tiżen xejn. Aqta’ x’għamilt? Fettili nibda ngħodd il-biċċiet tal-borra li kienu neżlin fuq iz-zokk. U bdejt: wieħed, tnejn, tlieta… mija, mitejn, tliet mija, elf. Insomma biex ma ntawwalx, wara ħafna żmien għoddejt għexieren ta’ eluf biċċiet ta’ borra li waqgħu fuq iz-zokk., meta f’daqqa waħda niżlet biċċa borra ċkejkna ċkejkna u……ċlaqq, u  z-zokk inqasam bija b’kollox. Ħbatt rasi u sturdejt waħda sew. Wasalt għall-konklużjoni li l-borra tiżen, u mhux kif għedtli int li ma tiżen xejn.’

It-tiben ukoll ħafif rixa, imma l-Ingliżi jgħidu li fl-aħħar ikun hemm it-tibna li taqsam dahar il-ġemel. Proverbju Latin jgħid: Gutta cavat lapidem – il-qatra tħaffer il-ġebla. Tgħidx: ‘Din ħaġa żgħira, mhi xejn, ma tagħmilx ħsara’ : jew tgħidx: ‘Il-kontribut tiegħi huwa żgħir, mhu se jbiddel xejn.’ Ħwejjeġ żgħar jagħmlu ħwejjeġ kbar. L-oċejan magħmul minn miljuni ta’ miljuni ta’ qtar ta’ ilma baħar. Kieku kull wieħed u kull waħda jagħti l-qatra tiegħu, immorru aħjar.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSD)

Aqra u Irrifletti – GIRIFLU L-KAROZZA

Wieħed raġel kien qiegħed jillostra l-karozza tiegħu meta nduna li ibnu, ta’ erba’ snin, kien qed jobroxlu n-naħa l-oħra b’ġebla. Kif ra hekk, tant intilef bir-rabja li qabad id it-tifel u beda jagħtiha kemm jiflaħ mingħajr ma nduna li f’idu kellu spanner.

Dal-povru tifel, naturalment, spiċċa l-isptar u tilef subajh kollha daqskemm kellu ksur. Meta ra lil missieru, it-tifel staqsieh bid-dmugħ f’għajnejh, ‘Pa, issa meta ser jerġgħu jikbruli subajja?’ Il-missier tant qasmitlu qalbu din il-mistoqsija li ħareġ mill-isptar, mar ħdejn il-karozza u beda jagħtiha bis-sieq kemm jiflaħ.

Kif kien f’dik id-dagħdigħa lemaħ il-brix li kien għamel it-tifel. Kien giref dawn il-kelmiet: ‘INĦOBBOK, PA.’

Ir-rabja u l-imħabba m’għandhomx qies. L-imħabba ġġib ferħ bla qies. Ir-rabja ġġib tbatija bla qies.

Il-problema tad-dinja tal-lum hi li qed nużaw lin-nies u nħobbu l-affarijiet, flok inħobbu n-nies u nużaw l-affarijiet. Ftakar dejjem li l-affarijiet qegħdin hemm biex nużawhom imma n-nies biex inħobbuhom.

Biex jirnexxilek tagħmel dan, trid tikkontrolla lilek innifsek. Jekk ma toqgħodx attent l-iċken ħsieb isir destin. Dak li naħsbu, xi darba se ngħiduh. Dak li ngħidu, xi darba se nagħmluh. Dak li nagħmlu, xi darba se jsir drawwa. Id-drawwiet tagħna jibnu l-karattru tagħna. U, fl-aħħar mill-aħħar, il-karattru jiddeċiedi d-destin tagħna.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSD)