Aqra u Irrifletti – NAWFRAĠJU

Maltempata kbira għarrqet bastiment f’nofs ta’ baħar. Salva raġel wieħed biss. Sab ruħu mkaxkar mill-baħar fuq gżira żgħira diżabitata għal kollox. Maqtugħ minn kulħadd kellu jara kif jagħmel biex jibqa’ jgħix. Kien kuljum jitlob lil Alla biex isalvah u kuljum kien jiffissa fuq l-orizzont biex jara jilmaħx lil xi ħadd li jista’ jagħtih l-għajnuna u jiġbru minn dik il-gżira tal-waħx. Iżda kien kollu għalxejn. Għalkemm kien għajjien mejjet u mġewwaħ, irnexxielu jibni naqra ta’ għarix biex ikun jista’ jistkenn u biex ipoġġi l-ftit affarijiet li l-baħar kien tella’ fuq ix-xatt mill-bastiment imfarrak li kien għereq.

Jum fost l-oħrajn, mar ifittex x’jiekol bħas-soltu. Meta ġie lura jara daħna kbira u l-għarix tiegħu jaqbad. Issa żgur kien spiċċalu kollox – kien tilef kull ma kellu! B’dispjaċir kbir u anki b’rabja kbira kien jistaqsi: ‘Mulej, għaliex għamiltli hekk?’

L-għada, imma, qajmu l-ħoss ta’ vapur li kien qed javviċina l-gżira. Kienu ġew biex isalvawh! ‘Kif kontu tafu li qiegħed hawn?’ staqsa lil dawk li ġew għalih. ‘Rajna s-sinjal li għamiltilna inti bid-duħħan,’ qalulu.

U ħajjitna mhix hekk ukoll! Nirrabjaw u nilmentaw għax inkunu tlifna xi ħaġa li għalina tidher essenzjali. Neħduha kontra Alla għax inħossu li abbandunana u nħossuna bħall-ħmar il-magħkus li jdur għalih id-dubbien ukoll.

Imma, kieku nagħmlu att ta’ fidi fil-ħajja f’dawk il-mumenti koroh, nistgħu nsibu ftit aktar paċi. L-ewwel darba li tara l-għarix tiegħek qed jaqbad, ftakar li dan jista’ jkun is-sinjal li bieb ieħor se jinfetaħlek quddiemek. Kif jgħid il-Malti, “Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija”.

Tislijiet,

L-għalliema tal-PSCD