Flimkien Nistgħu – Parti Minn Grupp?

Waqt attivita’ li għamilna mat-tfal dwar x’jibżgħu li jiġri fil-grupp tal-klassi tagħhom spikkat ħafna l-biża’ li jispiċċaw waħedhom, mingħajr ħbieb jew maqtugħin barra mill-grupp. Ngħiduha kif inhi, anki aħna jekk naħsbu ftit inħossu l-bżonn li nagħmlu parti minn grupp. Ħadd ma jixtieq ikun imwarrab u li jispiċċa waħdu!

Kif se nkunu aċċettati u maħbubin minn dawk ta’ madwarna? Tajjeb illi naħsbu ftit x’nistgħu nagħmlu aħna biex naċċettaw lil ħaddieħor u malajr nindunaw li meta nagħmlu hekk inkunu maħbubin u aċċettati aħna wkoll.

X’messaġġ pożittiv u qawwi nkunu qed ngħaddu lil uliedna jekk jirnexxielna ngħaddulhom dan il- valur. Wara kollox li taċċetta lil kulħadd kif inhu huwa valur kbir għas-soċjeta’ kollha. Kulħadd hu speċjali u kulħadd għandu xi ħaġa sabiħa x’joffri lil ta’ madwaru

Ftit ideat ta’ kif taċċetta lil ta’ madwarek .

1. Kun ġust ma’ kulħadd
2. Interessa ruħek f’dak li jiġri madwarek, ipparteċipa.
3. Kellem lil kulħadd.
4. Kun qalbek tajba ma’ kulħadd.
5. Fejn tista’ u meta tiftakar kellem lin-nies u uża isimhom. 6. Kumpliment kulħadd jieħu gost bih.
7. Tgħidx fuq in-nies.
8. Kun pożittiv jew pozittiva.
9. Kun ċajtier jew ċajtiera.
10.Kulħadd jista’ jkun poplari.
11.Prova għeleb il-mistħija.
12.Għin fejn tista’, anki f’affarijiet żgħar.
13.Ħu gost ma’ kulħadd u aċċetta lil kulħadd.

Naħsbu ftit…

Parti minn grupp ma jiddependix biss li jaċċettak ħaddieħor imma jiddependi ħafna minn kemm aħna lesti li naħdmu biex lil ħaddieħor naċċettawh aħna. F’kull tip ta’ relazzjoni, importanti li niġbdu ħabel wieħed inkella x’imkien xi ħadd se jbati!!

Kelma ta kuraġġ…

We must restore hope to young people, help the old, be open to the future, spread love. Be poor among the poor. We need to include the excluded and preach peace.
Pope Francis

Ejja flimkien inrawmu tama fiż-żgħażagħ tagħna, ngħinu lill-anzjani, inkunu lesti għall-futur, inxerrdu l-imħabba. Hemm bżonn li niftaqru ftit. Ejja ninkludu lill-imwarrbin u nippriedkaw il- paċi
Papa Franġisku.

Tislijiet – Josette Attard/Elisa Vassallo
PSCD – 2015/2016 j. attard/e.vassallo

Aqra u Irrifletti – DAWK L-IMBIERKA BOROM

Fl-aħħar Tereża kienet qatgħet xewqitha… Xtrat sett borom ġodda. Qed nirreferi għal dawk il-borom li ssajjar bla żejt u bla ilma. Tereża kienet qisha rebħet il-lotterija daqskemm kienet kuntenta bihom. Ma xtaqitx tużahom biex ma ċċappashomx. Imma fl-aħħar bdiet issajjar fihom.

Darba waħda Tereża u żewġha Ġużi marru għand ħutha u bla dubju d-diskors waqa’ fuq il-borom. ‘’Ġużi, għidilhom kemm qed tiekol tajjeb u bnin fil-borom il-ġodda,’’ qalet kburija Tereża. ‘’Veru,’’ wieġeb Ġużi, ‘’L-aktar meta niftakar f’dawk il-flus kollha li tajret fihom.’’ Tereża nstamtet u ma qalitx kelma oħra.

Kos, għaliex aħna daqshekk iebsin biex nifirħu ma’ min qed jifraħ? Għaliex nibżgħu nfaħħru lil xulxin? Ħafna drabi l-ġlied jinqala’ għaliex neqsin minn ċerta delikatezza u ġentilezza. Nieħdu lil xulxin bil-herra. Nużaw kliem goff li jweġġa’ jew inwaqqgħu għaċ-ċajt lil xulxin.

Xi swielu Ġużi li kiser lil martu? Ħoloq aktar tensjoni, aktar ġlied, aktar inkejja u piki. Id-dinja hija għatxana għal nies li fil-ħajja jafu jitbissmu lil xulxin jew li jafu jaraw it-talenti u s-sabiħ li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Ejjew mela napprezzaw lil xulxin. Inkunu qed ngħinu biex ngħixu f’dinja isbaħ u iżjed hienja.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSCD)