Aqra u Irrifletti – Il-KIRURGU U L-OPERAZZJONI

Kirurgu daħal bl-għaġġla l-isptar wara li ċemplulu għal operazzjoni urġenti. Hu rrisponda malajr kemm seta, biddel ħwejġu u mar dirett l-isptar. Huwa sab il-missier ta’ tifel jippassiġġa fis-sala jistenna lit-tabib. Kif rah il-missier għajjat: ‘ Għalfejn domt daqshekk biex tiġi? Mela ma tafx li l-ħajja ta’ ibni qiegħda fil-periklu? Mela m’għandekx sens ta’ responsabbilita’?’’

Il-kirurgu tbissem u qal:’’Skużani, imma ma kontx l-isptar u ġejt malajr kemm stajt wara li rċivejt it-telefonata..u issa, nixtieq li tikkalma ħalli nkun nista’ nagħmel xogħoli.’’

‘‘Nikkalma?! Kieku ibnek kien f’din il-kamra bħalissa, kieku int kont tikkalma? Kieku ibnek imut issa x’tagħmel int?’’ qallu l-missier irrabbjat.

It-tabib reġa’ tbissem u qal, ‘‘Se nagħmel minn kollox biex ibnek ikun aħjar mill-aktar fis possibli.’’ L-operazzjoni ħadet ftit sigħat u l-kirurgu ħareġ kuntent.

‘‘Għall-grazzja t’Alla ibnek salva!” u mingħajr ma qagħad jistenna għar-risposta tal-missier reġa’ telaq il-kirurgu jiġri ‘l barra. ‘’Jekk għandek xi domandi staqsi lill-infermiera!’’

‘‘Għalfejn hu daqshekk arroganti? Ma setax jistenna ftit minuti ħalli nsaqsih dwar l-istat t’ibni,’’ ikkummenta l-missier meta ra lill-infermiera ftit minuti wara li telaq il-kirurgu.

L-infermiera irrispondietu, bid-dmugħ nieżel minn għajnejha, ‘’ It-tifel tiegħu miet ilbieraħ f’inċident tat-traffiku, hu kien għall-funeral tiegħu meta ċempilnielu minħabba l-operazzjoni ta’ ibnek. Issa salva l-ħajja tat-tifel tiegħek, telaq jiġri jkompli bil-funeral ta’ ibnu.’’

Huwa faċli li tiġġudikaw lill-oħrajn. Qatt m’għandek tiġġudika lil ħadd għax ma tafx kif inhi l-ħajja tagħhom u minn xhiex għaddejjin!

Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)

ĊIRKULARI TAL-MILIED 2015

  1. Wasalna fl-aħħar ġimgħa tas-sena 2015! Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom matul is-sena.   Flimkien irnexxielna mmexxu ’l quddiem it-tagħlim tat-tfal tagħna.   Dalwaqt ser nibagħtulkom in-Newsletter tal-Milied mat-tfal.   Nispera li togħġobkom.   Hija mimlija informazzjoni u xogħol tal-istudenti.   Fiha hemm il-kalendarju b’xi dati importanti.   Inħeġġu lit-tfal biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni  li hemm fil-paġni tan-nofs.
  1. Nhar it-Tnejn, 21 ta’ Diċembru 2015 ser jittella’ l-Kunċert tal-Milied fl-iskola. Il-ġenituri tat-tfal kollha huma mistiedna.   Jistgħu jiġu sa tnejn min-nies minn kull familja.   Il-Kunċert jibda fid-9:15am.   Il-bieb jinfetaħ fid-9am.   Ovvjament it-tfal jixtiequ li jkollhom udjenza!   Għalhekk hija ħasra jekk il-ġenituri jitilqu wara li jaraw lit-tifel/tifla tagħhom.   Huwa ppjanat li l-attivita` ddum ftit aktar minn sagħtejn.   Ser ikollna fotografu u vidjografu biex jieħdu ritratti u vidjow professjonali.   Dawn ikunu għall-bejgħ f’Jannar.   Min irid jieħu xi ritratt hu, jista’ jagħmel dan minn postu.
  1. Nhar it-Tlieta, 22 ta’ Diċembru hi l-aħħar ġurnata tal-iskola. Dakinhar ikollna purċissjoni madwar l-iskola wara d-9 am u jsiru l-parties fil-klassijiet.
  1. Ser jibda l-kors tal-Parental Skills f’Jannar. Dawk kollha nteressati huma mitluba li jċemplu lis-Segretarja Christine Schembri fuq in-numru 21464317.

Nixtiqilkom Milied ħieni u j’Alla l-2016 iġġib magħha ferħ u saħħa għall-familja tagħkom.

 

N Saliba

Kap tal-Iskola

15/12/2015