Flimkien nistgħu – Suċċess Minn Ħajjitna

Wasalna fl-aħħar xahar ta’ din is-sena skolastika wkoll.  Din is-sena pruvajna nżommu fil-qasir imma naslu għall-punt! Pruvajna wkoll li kemm jista’ jkun dejjem konna prattiċi u pożittivi f’dak li ktibna.  Nittamaw li kollha sibtuhom utli.  Għal dan l-aħħar xahar mhux se nagħmlu inqas.  Se naraw kif b’mod sempliċi jista’ jkollna suċċess minn ħajjitna u b’hekk ikollna iktar sens ta’ sodisfazzjon f’dak kollu li nagħmlu.
Jagħmel suċċess min…

 

..isib ħin għall-qari kujum.
..jagħti l-kumplimenti.
..jaċċetta l-bidla.
..jaħfer lill-oħrajn.
..jiddiskuti l-ideat.
..dejjem lest li jitgħallem.
..jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.
..għandu sens ta’ gratitudni.
..għandu direzzjoni u jaf jippjana.
Ma jirnexxix min…

..jara t-TV il-ħin kollu.
..jikkritika.
..jibża’ mill-bidla.
..iżomm f’qalbu.
..jgħid fuq in-nies.
..jaħseb li jaf ħafna.
..dejjem isib it-tort fl-oħrajn.
..dejjem jippretendi.
..qatt ma jippjana.

Naħsbu ftit… Din hija lista pjuttost ċara ta’ kif wieħed jista’ faċilment ikollu ħajja ta’ suċċess mingħajr ma jirfes il-kallu ta’ ħadd. B’sens ta’ altruiżmu imma fl-istess ħin jekk kulħadd jagħraf iżomm postu nistgħu ngħixu ħajja sodisfaċenti.  Kemm hu sabiħ meta nkunu nafu x’irridu minn ħajjitna u fejn insibu diffikultà nfittxu l-għajnuna.  L-għajnuna tasal faċli jekk nitgħallmu kif inkunu f’relazzjoni tajba mal-oħrajn.  Ħafna drabi nisimgħu lil min jgħid li diffiċli jsib il-ħbieb jew ma’ min jaqbel.  Imma kemm minna qatt ħsibna ftit jekk inkunux aħna stess li b’għemilna nkunu qed inbiegħdu lill-oħrajn ‘l bogħod minna.  Dawn iż-żweġ listi t’hawn fuq juru stampa ċara ta’ żewġ opposti u stampa ċara ta’ kif nistgħu nitgħallmu nagħmlu suċċess f’dak kollu li nagħmlu.  Tajjeb li niftakru wkoll li kemm bħala ġenituri u kemm bħala għalliema għandna dmir li nagħtu dejjem eżempju tajjeb lil uliedna jew l-istudenti tagħna.  Nispiċċaw billi nawguraw lil kulħadd Sajf sabiħ mimli saħħa u mistrieħ.
Kelma ta kuraġġ… We all have the duty to do good. Pope Francis
Kollha kemm aħna fid-dmir li nagħmlu l-ġid. Papa Franġisku.

 
Tislijiet – Josette Attard/Elisa Vassallo

PSCD – 2015/2016

Aqra u Irrifletti – NIĠBDU FLIMKIEN

Kien hemm raġel li waqt li kien qiegħed isuq fil-kampanja, tilef il-kontroll u baqa’ nieżel ġo kanal tal-ilma.  Għalkemm hu ma ġralu xejn, il-karozza weħlitlu ġot-tajn.  Mexa sar-razzett li kien hemm fil-qrib biex jitlob l-għajnuna.  Il-bidwi li kien joqgħod hemm qallu, ‘‘Tibżax, issa jiġi jaqilgħek hu.’’  Kif qallu hekk, urih b’sebgħu bagħal xiħ.  Ir-raġel ma setax jifhem kif dak il-bagħal seta’ jiġbed il-karozza tiegħu barra mill-kanal.

‘‘Tikkonfondix,’’ qallu l-bidwi meta rah jiddubita mill-bagħal tiegħu.  Fillu kapaċi jagħmilha dil-biċċa xogħol.’’

Iż-żewġt irġiel u l-bagħal resqu lejn il-kanal.  Il-bidwi rabat il-bagħal mal-karozza.  Ġibed ir-riedni u beda jgħajjat, ‘‘Iġbed Ġuż…! Iġbed Ton…! Iġbed Salv…!  Iġbed Fillu!’’  U l-bagħal irnexxielu jiġbed il-karozza barra mill-kanal.

Ir-raġel baqa’ mbellah.  Irringrazzja lill-bidwi, melles il-bagħal u staqsa, ‘‘Għaliex qabel ma għajjat l-isem Fillu, sejjaħt l-ismijiet l-oħra?’

Il-bidwi tbissem u  qallu, ‘‘Fillu issa xiħ u kważi għama.  Meta ngħajjat lill-oħrajn hu jaħseb li qiegħed fi grupp u għalhekk ma jiddejjaqx jiġbed.’’

Li nkunu parti minn grupp jgħin biex ilkoll naħdmu għal għan wieħed.  Li tiġbed ħabel wieħed mal-oħrajn hu s-sigriet li bih nies ordinarji jirnexxielhom iwettqu affarijiet straordinarji.  Madanakollu jekk inkunu weħidna tajjeb li ma naqtgħux qalbna u nużaw il-kapaċitajiet kollha tagħna.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSCD)