Category: News
L-Għasir taż-Żebbuġ
Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Novembru, l-istudenti tas-sitt sena, li huma membri fil-gardening club, kellhom attività mhux tas-soltu. Flimkien ma’ xi għalliema u membri oħra tal-istaff li jgħinu f’dan il-klabb, marru jaraw kif isir l-għasir taż-żebbuġ.
Mad-dawra tal-iskola għandna xi siġar taż-żebbuġ u dan iż-żebbuġ beda jinqata’ minn ġurnata qabel biex ikun jista’ jittieħed għall-għasir. Sirna nafu li ladarba jinqata’, iż-żebbuġ għandu jittieħed malajr kemm jista’ jkun għand l-għassar, biex b’hekk ma jibdiex jitlef mit-tjubija tiegħu.
L-ewwel intiżen l-ammont ta’ żebbuġ li nqata’ mill-iskola. Wara, l-istudenti kellhom l-opportunità jaraw il-proċess li jintuża biex jingħasar iż-żebbuġ għaż-żejt. Iż-żebbuġ inħasel permezz ta’ magna apposta li fl-istess ħin tneħħi l-weraq u dak kollu żejjed minn maż-żebbuġa. Wara l-ħasil, iż-żebbuġ jidħol ġo magna oħra li titħan iż-żebbuġ bl-għadma u l-ħliefa b’kollox. Minn hemm din l-‘għaġna’ tgħaddi għal stazzjon ieħor fejn wara ammont ta’ ħin jibda jitla’ ż-żejt fil-wiċċ. Eventwalment iż-żejt jgħaddi għal ġo tank kbir minn fejn jinġabar. L-għassar qal lill-istudenti li dan il-proċess kollu jieħu madwar erba’ sigħat.
Wara li raw il-proċess ta’ kif isir iż-żejt, l-għassar poġġa quddiem it-tfal, ftit żejt taż-żebbuġa frisk ġo platt. Hu stieden lit-tfal ibillu biċċiet żgħar tal-ħobż Malti jqarmeċ. Għall-bidu kien hemm min qarras wiċċu, iżda malajr ħadu l-kunfidenza u l-platt kellu jimtela’ għal darba tnejn. Kulħadd spiċċa jilgħaq xufftejh u kulħadd qabel li m’hemmx ikla aktar delizzjuża minn biċċa ħobż tal-Malti, biż-żejt taż-żebbuġa frisk!
Maria Ciappara
BUFFET BREAKFAST
Għal żmien il-Milied ser norganizzaw buffet breakfast ġewwa l-“Cavalieri Hotel” tas-Sliema.
Data: Il-Ħamis 3 ta’ Diċembru 2015
Ħin: 9am (minn ħdejn is-segretarja)
Post: Cavalieri Hotel, Sliema
Prezz: €15
Biljetti jinbiegħu sa nhar il-Ħamis 26 ta’ Novembru 2016 mingħand il-ġenituri tal-Kunsill Skolastiku jew mingħand is-segretarja. Ħlas mal-booking.
Grazzi
Ġenituri Kunsill Skolastiku