Author: Siggiewi Primary
OPEN DAY U GĦOTI TA’ DEMM
Għeżież ġenituri/ħbieb,
Għal darba oħra l-Klabb tal-Baskitbol tas-Siġġiewi ser jorganizza Open Day b’risq il-Puttinu Cares. Din ser tkun nhar il-Sibt 31 ta’ Mejju 2014. Il-programm jingħata iktar ‘l quddiem.
Din id-darba ser nippruvaw inġibu wkoll lil tal-Blood donation unit, u dan nistgħu nagħmluh biss jekk inkunu numru sostanzjali. Għalhekk qegħdin inħeggukom biex min hu nteressat jimla d-dettalji t’hawn taħt u jibgħatha lura mat-tfal lis-segretarja tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi sal-Ġimgħa 11 ta’ April 2014.
Isem u Kunjom: ____________________________
Mob/Tel no: – ____________________
Isem u Kunjom: ____________________________
Mob/Tel no: – ____________________
Isem u Kunjom: ____________________________
Mob/Tel no: – ____________________
Ir-riserva tad-demm hi pjuttost baxxa. Bl-għoti tad- demm tferraħ lil ħaddieħor u tifraħ int ukoll.
Grazzi – Il-kumitat
Aqra u Irrifletti – L-EKU TAL-ĦAJJA
Missier u ibnu kienu qed jagħmlu passiġġata fil-muntanji. F’daqqa waħda, it-tifel waqa’ u weġġa’ tant li beda jgħajjat u jwerżaq: ‘AAAAħħħ!!!’ Baqa’ mbellah x’ħin sema’ l-istess vuċi tiegħu tidwi ma’ kullimkien u tirrepeti ‘AAAAħħħ!… AAAAħħħ!… AAAAħħħ! Mal-muntanji kollha.
Għalhekk, b’kurżita’ kbira għajjat: ‘Int min int?’ Ir-risposta li kiseb lura kienet: ‘Int min int?’ It-tifel saħan għal din ir-risposta u werżaq : ‘Int beżżiegħ!’ Tistgħu taħsbu x’kienet ir-risposta: ‘Int beżżiegħ!’
It-tifel ma felaħx iktar. Ħares lejn missieru u staqsieh x’kien qed jiġri. Il-missier tbissem u qallu: ‘Ibni, oqgħod attent u ara x’se nagħmel jien’. U l-missier għajjat b’vuċi soda lejn il-muntanja: ‘Jien nammirak!’ U l-vuċi weġbitu: ‘Jien nammirak!’
Ir-raġel reġa’ għajjat: ‘Int m’hawnx aħjar minnek!’ U l-vuċi weġbitu: ‘Int m’hawnx aħjar minnek!’
It-tifel issa iktar stagħġeb iżda ma’ seta’ jifhem xejn. Il-missier dar lejh u qallu, ‘Dan jissejjaħ EKU, iżda fil-verita’ din hija l-ĦAJJA. Il-Ħajja tagħtik lura dak kollu li int tgħid u tagħmel. Ħajjitna hi sempliċiment riflessjoni tal-azzjonijiet kollha tagħna.
Jekk trid issib l-imħabba fid-dinja, qis li tħobb ħafna inti. Jekk trid li l-grupp tiegħek jirnexxi u jistinka f’xogħlu, kun int li l-ewwel tagħmel l-isforz tiegħek u stinka. Jekk trid min jirrispettak, irrispetta lil ħaddieħor int. Jekk trid min jifraħ bik, ifraħ int bl-oħrajn. Jekk trid min jifhmek, ifhem lil ħaddieħor int.
Dan veru f’kollox: il-ħajja tagħtina lura dak kollu li aħna nkunu offrejnielha.
Jekk qed tħoss li l-ħajja qed tagħtik mill-agħar, staqsi l-ewwel jekk int tajthiex mill-agħar!
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSD)
