Aqra u Irrifletti – IL-VALUR TAŻ-ŻMIEN

Fil-ħin tal-mewt Alessandru l-Kbir sejjaħ lill-ġenerali tiegħu u qalilhom l-aħħar tliet xewqat tiegħu:

  1. Li t-tebut tiegħu jinġarr mit-tobba li daru bih biex ifejquh.
  2. Li t-teżori li ġabar (ġawhar, ġojjelli, deheb…) kellhom ikunu mferrxa matul it-triq lejn il-qabar.
  3. Li jdejh kellhom jitħallew jitbandlu barra t-tebut biex jarahom kulħadd.

Wieħed mill-ġenerali mistagħġeb għal dawn ix-xewqat mhux tas-soltu staqsa lil Alessandru: “Għaliex? X’inhu l-iskop?”

Alessandru wieġbu:

  1. Irrid li jkunu t-tobba li jġorru t-tebut tiegħi biex nuri li m’għandhom l-ebda fejqan kontra l-mewt.
  2. Irrid li fit-triq lejn il-qabar ikunu mxerrda t-teżori tiegħi biex infakkar li l-ħwejjeġ materjali mirbuħa jibqgħu hawn warajna.
  3. Irrid li jdejja jiddendlu mit-tebut biex in-nies tifhem li ġejna b’idejn vojta u b’idejna vojta mmorru lura.

IŻ-ŻMIEN hu rigal l-aktar prezzjuż li għandna għaliex hu limitat. Nistgħu nsiru aktar sinjuri, naqilgħu aktar flus imma ma nistgħux inżidu ż-żmien li għandna nagħmlu fuq l-art. Meta niddedikaw parti mill-ħin tagħna lil xi ħadd, inkunu qed nagħtuh parti minn ħajjitna li ma nistgħux nġibu lura. Iż-żmien tagħna huwa l-ħajja tagħna. L-isbaħ rigal li nistgħu noffru huwa ż-żmien tagħna; għalhekk meta tajt dan il-wirt tkun ħsibt f’ħaddieħor… u ġemmajt teżori fis-sema.

GĦOŻŻ IŻ-ŻMIEN, UŻAH TAJJEB GĦAX IŻ-ŻMIEN JGĦADDI U MA JISTENNA LIL ĦADD!

 

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

Għalliema tal-PSCD

Animal Awareness Day

Il-ġimgħa 3 ta’ Ottubru 2014, l-istudenti kollha tal-Kulleġġ San Injazju Primarja Siġġiewi telqu lejn l-iskola flimkien mal-annimal favorit tagħhom! Il-bitħa kienet mimlija b’għasafar, qtates, klieb, ħut, fkieren u annimali li normalment nafuhom bħala pets.  Imma kien hemm ukoll għasafar bħall-kokka u annimali bħall-qażquż li mhux normali li nsibu ġewwa d-dar. L-arċipriet bierek l-annimali kollha u lil sidhom, bit-tama li dan jieħu ħsieb lill-annimal favorit tieghu aħjar. Imbagħad ingħatat informazzjoni qasira dwar il-qaddis patrun tal-annimali, San Franġisk.

Il-ġenituri kollha kienu mistiedna għal din iċ-ċerimonja u attendew bi ħġarhom.

This slideshow requires JavaScript.