Aqra u Irrifletti – DAR GĦALL-BEJGĦ

Franġisku u Marija kienu koppja anzjani li kienu qed ifittxu bis-serjeta’ biex jibdlu d-dar tagħhom. Għalhekk iddeċidew li jmorru għand aġent tad-djar biex bis-saħħa tiegħu jippruvaw ibiegħu darhom ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw dar ġdida skond il-ħolm tagħhom. L-aġent, meta ra d-dar tagħhom, li kienet miżmuma fi stat tajjeb, assigurahom li ma kienx ser ikollu diffikulta’ biex ibiegħha.

Min-naħa tagħhom, Franġisku u Marija, bil-ħerqa kollha kienu ta’ kuljum jiflu l-gazzetti biex jaraw ir-riklami ta’ djar li kienu għall-bejgħ. Ma tantx għadda żmien meta sabu riklam jgħid hekk: ‘‘Għall-bejgħ: Dar spazjuża, mibnija madwar ħmistax-il sena ilu, 3 kmamar tas-sodda, 2 kmamar tal-banju, bejt arjuż u garaxx kbir. Għandu veduta eċċellenti.’’

Il-koppja ġġennu meta raw dan ir-riklam u bil-ġirja marru għand l-aġent biex jgħinhom. Ħadu magħhom il-gazzetta biex juruhielu u ħeġġuh biex jgħaġġel li ma jmurx jilħaq ħaddieħor qabilhom. L-aġent ra r-riklam u waqaf. Ir-raġel u martu ma setgħux jifhmu x’kien ġara, sakemm l-aġent ħares lejhom u b’nofs daħka qalilhom: ‘‘Dik id-dar li qed tirsistu għalija hija d-dar tagħkom! Dan l-avviż jien ġibtu fil-gazzetta.’’

Spiss aħna ngħaddu minn esperjenza simili għal din. Nixxenqu u nixtiequ issa ħaġa u issa oħra u qatt ma napprezzaw dak li għandna.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSCD)

Donazzjoni lil Puttinu Cares

Waqt il-programm speċjali li t-tim ta’ Xarabank  tella’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira ġiet ippreżentata s-somma sabiħa ta’ €1,640 f’isem l-iskola tagħna.  Dan kien it-total ta’ flus miġbura mill-Jeans Day, il-bejgħ tal-figolli, donazzjoni mogħtija minn Cuschieri Bakery (wieħed mill-fornituri tal-figolli), kif ukoll permezz ta’ donazzjoni li ngħatat mill-istaff kollu li jaħdem ġewwa l-iskola tagħna.  Il-flus mhux kollox, imma żgur li d-donazzjoni tagħna ser tgħin biex tagħti aktar kuraġġ, ittaffi t-tbatija li dawn il-familji għaddejjin minnha u żżid il-possibilita’ ta’ fejqan.  Grazzi lil kull min ta s-sehem tiegħu f’din l-inizjattiva hekk nobbli.

DSC_3022