
Author: Siggiewi Primary
Aqra u Irrifletti -META TITLEF ‘L OMMOK TKUN TAF XI TLIFT…
Meta t-terrimot għadda, l-irġiel ħarġu jaraw lil min setgħu jsalvaw minn qalb it-tifrik. Waqfu quddiem dar imġarrfa, u minn qalb ilġebel setgħu jaraw mara żagħżugħa għarkupptejha b’idejha quddiemha bħal donnha qed tipproteġi xi ħaġa. Il-mara kienet bla ħajja minħabba l-ġebel li waqa’ fuqha. Dan kien ikkonfermat meta wieħed minn dawk il-voluntiera, b’diffikulta’ kbira daħħal idu qalb it-tifrik u ħass li l-mara kienet kiesħa u iebsa. Għalhekk l-irġiel bdew mexjin aktar lil hinn biex ikomplu jfittxu. Iżda wieħed minnhom, l-istess wieħed li kkonferma li l-mara kienet mejta, ħass li għandu jerġa’ lura għax għelbitu l-kurżita’ biex jara x’kienet qed iżżomm. Bi tbatija kbira warrab kemm seta’ ġebel u tifrik minn ħdejn dik il-mara biex seta’ jdaħħal idu kollha. U verament idu messet xi ħaġa ħajja! Huwa beda jgħajjat: “Ejjew iġru! Hawn tarbija! Hawn tarbija ħajja!”
Sħabu ġrew lura ħdejh. Il-grupp kollu ħadem flimkien biex neħħew kemm setgħu ġebel u terrapien minn ħdejn it-tarbija, u sabu tifel ta’ madwar tliet xhur, imgeżwer f’xall tas-suf. Li ġara kien li l-mara, li fil-fatt kienet omm it-tarbija, meta rat il-periklu imminenti, irnexxielha tipproteġi ‘l binha bil-persuna tagħha stess, hekk li l-ebda ġebla ma waqgħet fuqu. Sejħu malajr it-tabib. Dan, meta wasal fuq il-post u neħħa x-xall minn madwar it-tarbija, sab mobile phone b’dan il-messaġġ: “Għażiż ibni, jekk tibqa’ ħaj, dejjem ftakar li ommok tħobbok ħafna.”Din hi storja vera. Qatt ma jingħad xejn żejjed fejn tidħol l-imħabba u s-sagrifiċċju talommijiet lejn uliedhom!
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut (Għalliema tal-PSCD)
Logħob Tradizzjonali Malti – Year 4 – Special Assembly
Nhar il-Ħamis 5 ta’ Mejju, ħarġet ġurnata sabiħa, ġurnata ferm ideali biex toħrog barra għax-xemx tilgħab u tiddeverti. Għalhekk il-klassi tar-raba’ sena ta’ Ms. Sephorah ippreżentaw diversi logħob tradizzjonali Malti waqt special assembly. Waqt din il-preżentazzjoni, it-tfal urew diversi logħob li kienu jilagħbu t-tfal fl-imgħoddi, logħob li sfortunatament qed jintesa u jintilef. Għallmuna kif tintlagħab Dawra Durella, Iż-Żunzana ddur iddur, Bum Bum il-Bieb, il-Passju u l-Qbiż tal-Ħabel. Fl-aħħar urew ix-xewqa biex it-tfal tal-lum jagħżlu li jilagħbu logħob bħal dan minflok bil-kompjuter jew bil-PlayStation. B’hekk inżommu ħajja l-identita’ tagħna bħala Maltin.
Ms. Sephorah
Għalliema tar-raba’ sena