Jiena, Ylenia Briffa, nattendi l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi u qiegħda fis- sitt sena. Fl-1 ta’ Marzu li għadda, flimkien mal-Brillantini tal-Kitba morna mawra ta’ ġurnata f’Ruma. Kienet l-ewwel darba li mort f’din il-Belt Kapitali u minn hawn bdiet l-avventura tiegħi!
Dakinhar iltqajna l-ajruport ta’ Malta fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu. Hemmhekk iltqajt ma’ tfal oħra tampari tal-Kulleġġ ta’ San Injazju u skejjel differenti minn Malta u Għawdex. Minn hawn kellna titjira diretta lejn Fiumicino. Waqt it-titjira għamilt ħbieb ġodda. Konna grupp kbir t’aktar minn sittin tifel u tifla. L-ewwel post li żorna kien il-Vatikan. It-temp ma tantx kien favorina peress li bdiet traxxax ix-xita u kienet kesħa fina, għalhekk ħadna l-opportunita’ li nidħlu ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru u nżilna fil-kripta fejn hemm midfuna San Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI. Hemmhekk rajt ħafna pitturi antiki, skulturi sbieħ u statwi kbar li fuqhom kien hemm kitba bil-Latin. Wara żorna Piazza di Spagna u Piazza Venezia fejn jinsab monument enormi u mill-isbaħ tal-Altare della Patria. Wara morna nieklu xi ħaġa tajba ġewwa restorant fil-viċin. Dak il-ħin ġie jżurna l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, il-Brigadier Carmel Vassallo. Wara l-ikla ta’ nofsinhar, bqajna sejrin bil-pass sal-Fontana di Trevi. Hemmhekk kien hemm ħafna turisti jieħdu ritratti ma’ din il-funtana famuża. Wara rkibna l-kowċ u għaddejna minn fejn il-Kolissew. Dan huwa wieħed mill-aktar siti arkeoloġiċi magħrufa fejn kienu jiġġieldu l-gladjaturi. Qabel tlaqna lura lejn l-ajruport ta’ Fiumicino, ħadt l-opportunita’ sabiex nixtri xi ftit tifkiriet tal-postijiet li żort. Meta wasalna lura Malta, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tawna xi kotba utli bħala rigal.
Minn din l-esperjenza tgħallimt u għamilt ħbieb ġodda. M’għandiex dubju li se nibqa’ niftakar din l-esperjenza unika tul ħajti kollha!
Ylenia Briffa