Jum is-Siġġiewi

L-ewwel ta’ Marzu huwa Jum is-Siġġiewi u dan il-jum ġie ċċelebrat kif jixraq mit-tfal tal-Iskola Primarja tal-lokal.

Il-klassi tal-Yr 3.3 ippreparat preżentazzjoni biex tfakkar din il-ġurnata. Din il-preżentazzjoni ħadet forma ta’ programm televiżiv fejn il-preżentatriċi intervistat tliet personalitajiet mill-passat li onoraw lil din il-Belt, fosthom il-Granmastru Ferdinand von Hompesh, il-poeta u kittieb Ġuże Delia u l-poeta Pawlu Aquilina. Żewġ studenti qraw poeżiji ta’ dawn il-kittieba.  Wara l-intervisti ġie muri filmat fejn spikkat is-sbuħija ta’ din il-belt u l-istudenti ddiskrivew il-postijiet li kienu qed jidhru. Fl-aħħar nett, l-istudenti kkonkludew bil-kant tal-poeżija ta’ Karmenu Vassallo, Raħal Twelidi.

Kienu diversi l-mistiedna li attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni. Preżenti kien hemm Il-President tar-Reġjun tal-Punent Sandro Azzopardi, is-Sindku tas-Siġġiewi Domenic Grech, il-Viċi Sindku Rodianne Haber, il-Kunsilliera Dr Julian Borg u Francine Farrugia, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Dr Doreen Said Pace, il-Kap tal-Iskola Ms Natalie Saliba u l-amministrazzjoni tal-iskola. Għal din l-okkażżjoni attendew ukoll l-edukaturi u l-istudenti kollha mill-ewwel sena sas-sitt sena. 


Diversi mill-mistiedna indirizzaw lit-tfal tal-iskola u s-Sur Sandro Azzopardi qassam kotba ta’ informazzjoni dwar ir-Reġjun tal-Punent immirati lejn studenti tal-Primarja.

Ms Marlene Vella

This slideshow requires JavaScript.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *