Waqt it-tranżizzjoni mill-iskola primarja għall-iskola tan-nofs, mill-iskola tan-nofs għall-iskola sekondarja u mill-iskola sekondarja għall-dik post-sekondarja l-istudenti ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ bidliet soċjali, emozzjonali u fiżjoloġiċi li jistgħu jħallu impatt fuq il-benesseri u t-tagħlim tagħhom.
Aġenzija Żgħażagħ qed toffri tliet korsijiet onlajn li jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw tranżizzjoni bla xkiel minn skola għall-oħra. Dawn il-korsijiet ġew iddisinjati speċifikament biex ikunu divertenti u interattivi waqt li jservu għall-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti u jipprovdu l-ħiliet tal-ħajja meħtieġa li permezz tagħhom l-istudenti jistgħu jtejbu l-benesseri u t-tagħlim tagħhom.
Il-programm My Next School Adventure huwa mmirat għall-istudenti li għadhom kemm spiċċaw is-Sitt Sena u se jibdew is-Seba’ Sena f’Settembru li ġej. Dan il-programm jikkonsisti fi 8 sessjonijiet ta’ siegħa u nofs il-wahda u għandu l-għan li jagħti spazju lill-istudenti biex itejbu dawk il-ħiliet tal-ħajja li huma kkunsidrati importanti għal tranżizzjoni ta’ suċċess għas-sentejn tagħhom fl-iskola tan-nofs. Is-sessjonijiet se jipprovdu opportunità lill-istudenti biex jesploraw il-ħiliet personali tagħhom, iħarsu lejn modi effettivi biex kif jesprimu l-veduti tagħhom fil-klassi, jiskopru stili ta’ tagħlim, jaħdmu b’mod effettiv ma’ studenti sħabhom, jitgħallmu kif ikunu studenti attivi, kif jittrattaw kunflitti u jiksbu appoġġ mill-iskola u kif jimmaniġġjaw l-ħin kemm fl-iskola kif ukoll fid-dar. Ser inkunu qegħdin nidħlu f’dawn it-temi permezz ta’ attivitajiet divertenti u interattivi u fi tmiem il-kors l-istudenti jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
Ser ikun hemm sessjonijiet f’ħinijiet differenti. In-numru ta’ studenti f’kull grupp ser jinżamm żgħir kemm jista’ jkun biex tiġi żgurata attenzjoni individwali.
Jekk tixtieq tibbukkja post fil-programm My Next School Adventure, għal studenti li se jkunu fis-Sena 7 matul is-sena skolastika li jmiss, segwi din il-ħolqa:
L-applikazzjonijiet jintlaqgħu sad-9 ta’ Lulju 2020, 12.00 pm
Il-korsijiet huma bla ħlas.
Għal aktar informazzjoni intom ġentilment mitluba tikkuntattjaw lis-Sur Simon Schembri fuq 99787253 