X’ għandek tagħmel jekk hemm min qed idejqek fuq l-Internet?
F’dawn iż-żminijiet, meta t-tfal qegħdin iqattgħu iktar ħin id-dar u għandhom iktar ħin liberu minħabba l-fatt li l-iskejjel u l-attivitajiet huma magħluqin, huwa normali li jużaw iktar mezzi ta’ kommunikazzjoni. Dawn il-mezzi bħal Tik Tok, Facebook, Messenger u oħrajn jgħinuhom iżommu ruħhom f’kuntatt ma’ sħabhom u d-dinja ta’ barra.
Sfortunament dan iżżid iktar lok għall-ibbulijar fuq il-mezzi ta’ kommunikazzjoni. Jista’ jkun li intom bħala ġenituri u anke uliedkom tħossuk waħidkom u li ħadd ma jista’ jgħinkom. Hawnhekk ser issibu ftit gwidi ta’ kif tistgħu tiddiljaw mas-sitwazzjoni.
Illimitaw il-ħin
Kemm iqattgħu ħin uliedkom fuq mezzi ta’ kommunikazzjoni għandu jkun limitat. Pruvaw żommu tip ta’ “timetable”. Iktar kemm idumu fuq dawn il-mezzi iktar jiżdied iċ-ċans li jsibu min jibbulihom jew iddejaqhom. L-aħjar ħaġa qassmu l-ħin b’attivitajiet varji.
Tirrispondix lura
Jekk hemm xi persuna li qed iddejqek fuq l-internet tippruvax tirrispondi lura. Uriha biss li qed iddejqek u ieqaf hemm. Tinsewx li dak li tiktbu ‘online’ jibqa’ hemm u jista’ jiġi miżmum mill-persuna l-oħra.
Żomm l-evidenza
Żommu kull evidenza li turi li qed tiġi ibbulijat. Ħu ‘screenshots’ u żommhom biex tkun tista’ tintuża bħala evidenza.
Iddilitja u ibblokkja
Wara li żomm l-evidenza iddilitja “chats” ħalli ma jibqgħux iddejquk. Blokkja wkoll lil dik il-persuna li qed tagħmillek il-ħsara.
Irraporta
Importanti ħafna li jekk tara li l-istorja qed tikber, IRRAPORTA. Il- MEDE ħoloq il-linja NISIMGĦEK fejn hemmhekk issib il-professjonisti tal-Kulleġġ li jkunu jistgħu jgħinuk u jigwidawk fuq din is-sitwazzjoni. Din il-linja nħolqot apposta għal żmien COVID 19 biex nibqgħu ngħinu lill-ġenituri u lill-istudenti. Il-linja tkun miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa 8.30 sa 16.00. In- numru li tistgħu ċċemplu fuqu huwa 25981000.
Deborah Sciberras
Anti-Bullying Guidance Teacher