Fejn qed tisma’ l-ħoss tal-ittra
Huwa importanti ħafna li t-tfal jitgħallmu jidentifikaw fejn ikunu qed jisimgħu l-ħoss ta’ ittra partikolari f’kelma. Din il-ħila se tgħinhom għal meta jiġu biex jaqraw u jiktbu.
Il-ħoss tal-ittra jista’ jkun kemm fil-bidu, fin-nofs jew fl-aħħar tal-kelma. Minħabba li hu kunċett astratt, ħafna drabi t-tfal ma jkunux jistgħu jifhmu fejn qed jisimgħu l-ħoss tal-ittra. Għaldaqstant, biex ngħinu lit-tfal jifhmu aħjar, l-iskola nużaw stampa ta’ serp. Din l-attività sempliċi tgħin lit-tfal jifhmu dan il-kunċett.
Meta jisimgħu l-ħoss tal-ittra fil-bidu tal-kelma, it-tfal iridu jmissu b’idejhom ras is-serp. Meta jisimgħu l-ħoss tal-ittra fin-nofs tal-kelma, iridu jmissu ż-żaqq. Waqt li meta jisimgħu l-ħoss tal-ittra fl-aħħar tal-kelma, imissu d-denb. B’hekk lit-tfal nkunu qed ngħinuhom jifhmu, b’mod konkret, fejn jinsab il-ħoss. Vantaġġ ieħor ta’ din l-attività hi li tgħin lit-tfal isaħħu l-ħila tas-smigħ.
Għal din l-attività għandek bżonn:
- Stampa jew tpinġija ta’serp.
- Stampi ta’ kliem bi tliet ittri jew aktar eż stampa ta’ vit, rota, siġra, eċċ.
- Marker
- Tappijiet tal-fliexken tal-ilma.
Qabel tibda l-logħba:
- Ipprintja jew pinġi stampa ta’ serp fuq karta.
- Aqsam is-serp fi tliet partijiet billi tpinġi żewġ linji: ras is-serp; żaqq is-serp; u denb is-serp. (Ara l-istampa t’hawn taħt).
- Spjega u ddiskuti mat-tifel jew tifla li kelma hi magħmula minn 3 partijiet: il-bidu, in-nofs u l-aħħar. Uri s-serp u spjega li dan is-serp huwa bħall-kliem: maqsum fi tlieta. Ras is-serp huwa l-bidu. Żaqq is-serp huwa n-nofs. Waqt li denb is-serp huwa l-aħħar.
Ibda l-logħba:
- Agħżel stampa ta’ kelma, eż. stampa ta’ siġra.
- Uri l-istampa lit-tifel/tifla.
- Staqsi lit-tifel/tifla: “Din x’inhi?”
It-tifel/tifla irid/trid iwieġeb/twieġeb: “siġra”
- Għid il-kelma (eż. ‘siġra’) waqt li tmexxi subgħajk fuq is-serp, mix-xellug għal-lemin. Poġġi subgħajk fuq ras is-serp u mexxi subgħajk minn fuq rasu għal fuq denbu waqt li tgħid il-kelma.
- Ħeġġeġ lit-tifel/tifla j/tagħmel l-istess.
- Issa, agħżel ittra minn dik il-kelma (eż: /s/ minn siġra). It-tifel/tifla irrid/trid j/tisma’ l-ittra li inti għażilt u j/tgħidlek jekk hijiex fil-bidu, fin nofs jew fl-aħħar tal-kelma. L-aħjar li tibda bil-ħoss fil-bidu tal-kelma sakemm it-tifel/tifla j/tidra. Imbagħad għaddi għall-ħoss fl-aħħar tal-kelma. Il-ħoss tan-nofs huwa l-iktar wieħed diffiċli, għaldaqstant ħallieh għall-aħħar.
Staqsi lit-tifel/tifla: “Fejn qed tisma’ l-ittra /s/? Fil-bidu tal-kelma (miss ras is-serp), fin-nofs tal-kelma (miss żaqq is-serp) jew fl-aħħar tal-kelma (miss denb is-serp)?”
It-tifel/tifla irid/trid iwieġeb/twieġeb: “Fil-bidu tal-kelma” (Filwaqt li jmiss/tmiss ras is-serp).
Tista’ tuża tappijiet tal-ilma kif qed tara f’dawn l-istampi. It-tifel/tifla irid ipoġġi/tpoġġi t-tapp fuq ras is-serp għall-ħoss fil-bidu tal-kelma; fuq żaqqu għall-ħoss fin-nofs tal-kelma; jew fuq denbu għall-ħoss fl-aħħar tal-kelma.
Eż. Is-/s/ f’siġra – fil-bidu (ras is-serp)
Is-/s/ f’pasta – fin-nofs (żaqq is-serp)
Is-/s/ f’qattus – fl-aħħar (denb is-serp)
Ms. Jessica
K2.5


