Aqra u Rrifletti

HAPPY FEET

Ms Theuma kienet qed tipprepara biex tibda l-lezzjoni fil-klassi ta’ Luke. Illum kien imiss li jiddiskutu t-tema tal-familja. Peress li kien suġġett delikat għal xi wħud mit-tfal, ma xtaqitx li tgħidilhom is-suġġett mill-ewwel imma tagħmel introduzzjoni ħelwa għalih.

“Hawn xi ħadd li ra l-film Happy Feet?” staqsiethom hekk kif kulħadd sab postu. Ma kinux ftit li qalu iva u li kieku mhux għax waqqfithom kienu diġà pronti li jibdew jgħidu kemm għoġobhom. “Tiftakru x’għamel il-pengwin missier fl-istorja?” kompliet l-għalliema. Raquela malajr qabżet u qalet: “Qagħad iżomm il-bajda tal-ferħ tiegħu għal sitt xhur sħaħ fis-sħana.” “Eżatt. U sadanittant l-omm fejn kienet?” saqsiet Ms Theuma. Hawnhekk qabeż Liam u wieġeb: “L-omm marret tfittex l-ikel għall-ferħ tagħha.”

L-għalliema kienet kuntenta u qaltlu: “Prosit. Tidhru li tiftakruh sew il-film. Issa, għaliex taħsbu li għamlu hekk dawn iż-żewġ ġenituri?” Damu jaħsbuha ftit u għalhekk l-għalliema ppruvat tgħinhom bi ftit ħsibijiet: “X’kien jiġri li kieku l-bajda baqgħet fil-kesħa? X’kien iħoss il-missier kieku ma għamilx dak is-sagrifiċċju għal sitt xhur sħaħ u tilef lil ibnu? U kieku l-omm ippreferiet li toqgħod mal-familja tagħha, kif kienu se jgħixu mingħajr ikel…? U binhom, għalkemm xtaq li jkun hu mingħajr ma jaħbi d-differenzi li kellu, dejjem żamm lill-ġenituri tiegħu fi ħsiebu.”

U kompliet: “Ma taħsbux li din il-familja tgħallimna ħafna fuq kemm hu sabiħ li ngħixu f’familja li tgħożż l-imħabba tal-membri tagħha, li temmen li s-sagrifiċċju huwa essenzjali biex hi timxi ‘l quddiem u li tagħraf il-prijoritajiet ta’ kull żmien kif imiss?”

It-tfal dehru li kienu qed jixtarru sew dawk il-ħsibijiet li kienet għadha kif lissnet Ms Theuma. F’daqqa waħda, Luke, tfajjel imqareb imma intelliġenti, staqsieha: “Imma Miss, ma taħsibx li dan hu nieqes fil-familji tagħna, speċjalment jekk il-familja jkollha ġenitur wieħed, jew meta l-ġenituri jisseparaw?”

Dak li kienet qed tistenna l-għalliema! “Għandek raġun Luke. Però, aħna hawnhekk ilkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa, hi x’inhi s-sitwazzjoni tal-familja tagħna. Vera li tkun aktar diffiċli jekk hemm l-inkwiet fil-familja tagħna, però xorta waħda nistgħu nħobbu, nirrispettaw, nagħmlu sagrifiċċji għal xulxin, nitolbu għal xulxin, ma nxewxux waqt xi argument fil-familja u forsi noqogħdu lura minn xi kelma li tista’ tweġġa’.”

It-tfal baqgħu msammrin mas-siġġu, jaħsbu fuq dan il-kliem tqil imma sabiħ li qaltilhom Ms Theuma. Il-ħin tal-lezzjoni kien tar u għalhekk Ms Theuma qaltilhom: “Għandi biċċa xogħol żgħira għalikom biex tagħmluha d-dar – Nixtieqkom li tagħmlu lista ta’ affarijiet li intom tistgħu tagħmlu fil-familji tagħkom biex ikunu familji sbieħ u b’saħħithom u ma jitkissrux mill-kurrenti negattivi. Fil-lezzjoni li jmiss, min iħossu komdu jista’ jaqralna l-lista biex nagħmlu lista twila ta’ ideat.”

U int – se tagħmilha din il-lista u x’se tinkludi fiha? Tistenniex li ħaddieħor jieħu l-inizjattiva biex tgawdi int. Agħmel int l-ewwel pass u itlob biex l-eżempju tiegħek iwassal biex ħaddieħor ukoll jagħmel il-pass tiegħu. U jekk nagħtu pass wara pass, insiru tassew nixbħu lil-pingwini tal-film HAPPY FEET!

Tislijiet,

L-għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *