Elezzjoni Għall-Kunsill tal-Iskejjel

ELEZZJONI GĦALL-KUNSILLI TAL-ISKEJJEL – TAGĦRIF

L-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Skolastiċi ser isiru bejn nhar il-Ħamis, 31 ta’ Jannar 2019 u t-Tnejn 4 ta’ Frar 2019.

Nominazzjonijiet

1. In-Nominazzjonijiet għal dawn il-Kunsilli jinfetħu fid-9 ta’ Jannar 2019 u jagħlqu fit-18 ta’ Jannar 2019 fis-1.00 p.m.

2. In-Nominazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Iskejjel fejn il-ġenituri jkollhom l- ulied; jew, billi japplikaw minn fuq is-sit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x- Xogħol (schoolcouncilelections.edu.mt).

3. F’kull skola huma eliġibbli għall-vot il-ġenituri/kustodji li għandhom ulied imorru f’dik l-iskola.

4. Ma jistgħux jikkontestaw l-elezzjoni għall-istess Kunsill l-omm u l-missier flimkien, imma xi ħadd minnhom biss.

5. Ġenitur jista’ jikkontesta l-elezzjoni għal aktar minn Kunsill wieħed ġaladarba għandu wlied f’dawk l-iskejjel.

6. Fil-każ taċ-Ċentri ta’ Riżorsi, għandhom joħorġu għall-Kunsill u jivvutaw biss dawk il-ġenituri li wliedhom huma reġistrati full-time f’dawk l-iskejjel.

7. Genituri li wliedhom huma fl-aħħar sena skolastika jistgħu jikkontestaw l- elezzjonijiet. Ladarba t-tfal tagħhom jispiċċaw mill-iskola dawn jistgħu jagħżlu jekk itemmux il-ħatra tagħhom bħala membri jew le.

8. Ġenituri li huma edukaturi jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni kemm bħala ġenituri kif ukoll bħala edukaturi ġol-istess skola; iżda la darba jiġu eletti jistgħu jżommu biss post wieħed fil-Kunsill. Ġenituri edukaturi li għandhom it-tfal tagħhom ġo skola differenti minn fejn jgħallmu huma, jistgħu jżommu ż-żewġ postijiet.

Votazzjoni

9. Kull ġenitur/kustodju għandu/ha dritt jivvota.

10. L-elezzjoni ser issir onlajn.

11. Il-kodiċi biex tkun tista’ tivvota jintbagħat mill-iskola mal-istudenti jew bil- posta fil-kaz li student ikun assenti.

12. Is-sistema tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli tal-iskejjel hija dik magħrufa bħala ‘first past the post’ fejn il-Votanti jintalbu jagħżlu mhux aktar minn tliet preferenzi tagħhom.

13. Il-ġenituri jistgħu jivvutaw onlajn billi jużaw kompjuter, tablet, smartphone, jew imorru l-iskola fil-ġranet tal-elezzjoni, jiġifieri: l- Ħamis, il-Ġimgħa jew it-Tnejn (31 ta’ Jannar, 1 u 4 ta’ Frar) bejn id-9.00 a.m. u s-1.30 p.m. L-iskola jkun hemm minn jista’ jgħinek tivvota. Importanti li tieħu l-kodiċi miegħek. 14. Biex tivvota trid tidħol fis-sit schoolcouncilelections.edu.mt u meta tinfetaħ il-paġna, daħħal il-kodiċi li ġab/ġabet it-tifel/tifla tiegħek. Agħfas Kompli u tinfetaħ paġna oħra fejn hemm l-ismijiet tal-kandidati li ħarġu għall-elezzjoni tal-Kunsill fl-iskola ta’ ibnek/bintek.

15. Tista’ tivvota għal mhux aktar minn tliet kandidati.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *