Aqra u Irrifletti

PA, INĦOBBHA L-ISKOLA, IMMA…

Illum, it-tifel tiegħi qalli, “Pa, l-iskola tiegħi togħġobni… imma ma nħobbx immur l-iskola.” Jien waqaft naħseb, possibbli daqsxejn ta’ tifel jagħtini daqshekk fuq xiex nirrifletti? Din tidher kontradizzjoni. X’qed jgħid ibni? Forsi għax qed jgħid li jħoss u f’qalbu jħoss iż-żewġ sentimenti li jidhru tant kontra xulxin?

Il-kbar ma jagħmlux hekk jekk ma jkunux xurbana jew irrabjati għall-aħħar, imma mbagħad joħroġ il-velenu kollu li jkun hemm f’dik il-qalb!

“Pa, l-iskola tiegħi togħġobni…imma ma nħobbx immur l-iskola.” Ħu lili. Jien nipprova nagħmel minn kollox biex l-ambjent tal-kumpanija tiegħi jkun sabiħ u naħseb li rnexxieli. L-impjegati jgħidu li jogħġobhom ħafna l-ambjent fejn jaħdmu. Imma….

“Pa, l-iskola togħġobni…imma ma nħobbx immur l-iskola.” Xi kultant, nisma’ xi impjegati jistqarru, bl-istess sinċerità tat-tifel tiegħi: “Ix-xogħol li nagħmel jogħġobni … imma ma niħux gost niġi għax-xogħol.”

Issa, jien se nipprova nara x’nagħmel biex it-tifel isir iħobbha l-iskola għax nemmen li, dak li veru jogħġbok, tieħu pjaċir tagħmlu. Ħaġa tal-għaġeb, qatt ma tisma’ lil ħadd jgħid: “Taf kemm inħobbhom il-gallettini taċ-ċikkulata, imma ma nħobbx nikolhom.” Tista’ forsi tismagħhom jgħidu li qed jippruvaw ma jikluhomx, imma mhux li ma jħobbux jikluhom.

Qatt ma tisma’ lil ħadd jgħid, “Il-flus inħobbhom, imma ma rridx li jkolli.” Jew “Il-kumplimenti jogħġbuni, imma ma rridx min jagħmilhomli.” Jekk hemm xi ħaġa li veru togħġbok jew li kulħadd jistenna li tagħmel, trid ma tkunx tista’ tagħmilha jew tkun tqum ħafna flus biex ma tagħmilhiex.

Dak il-kliem li qalli ibni ġegħilni naħseb sew fuq kif inqatta’ l-ħin tiegħi. Bdejt nistaqsi lili nnifsi:

Jien nieħu gost fil-ħin li nqatta’ mal-familja? Issa m’iniex qed naħseb f’dawk li jiġu minni imma fil-familja ta’ madwari.

U dak il-ħabib jew ħabiba li tgħid li tieħu gost titkellem miegħu jew magħha, kemm ilek ma tkellmu jew tkellimha?

Inti tgħid li tħobb tmur il-knisja. Imma, tgerger jekk iddum xi kwarta hemm aktar mis-soltu?

Allura, veru li tħobbhom dawk l-affarijiet?

Naħseb li lkoll kemm aħna għandna affarijiet li ngħidu li nħobbuhom imma ma rridux nagħmluhom.

Se nagħmel minn kollox biex nipperswadi lil ibni li jibda jieħu gost imur l-iskola. Se nibda, kuljum, nistaqsih kif qattagħha l-ġurnata l-iskola. Wara kollox, jien nieħu gost nagħti l- ħin tiegħi lit-tifel.

Li kellek tkun sinċier u titkellem minn qalbek, x’tieħu veru gost tagħmel?

Tislijiet,

L-għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *