Ġita Lejn Sqallija

Wara x-xita tal-ġranet ta’ qabel, is-Sibt 6 t’ Ottubru sebaħ jum bnazzi – sema kaħli mżejjen b’xi erba’ sħabiet bojod qishom tajjar. Tista’ tgħid lanqas żiffa ma kienet tinħass. 
Il-ġita tagħna lejn Sqallija bdiet kmieni filgħodu. L-ewwel waqfa tagħna kienet f’Pozzallo minn fejn ħadna kolazzjoni tipika a la Taljana. Wara morna Marzamemi, raħal pittoresk, b’popolazzjoni ta’ madwar mitejn ruħ. Hemmhekk żorna ċ-ċentru storiku u rajna kif jiġi magħmul l-inbid. 
Minn hemm bqajna sejrin għall-ikla buffet, fejn kulħadd ħareġ b’żaqqu mimlija bl-għazla kbira t’ ikel, laħmijiet u ħelu li kien hemm. Għalaqna din il-ġita fantastika billi morna Catania fejn stajna ngawdu il-famuż suq ta’ Catania, il-ħwienet u postijiet kulturali oħra bħal ngħidu aħna l-ġnien Bellini, il-pjazza Vincenzo Bellini u l-pjazza tal-Università. 
S. Abela

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *