Kull xahar l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu torganizza Xalata ta’ kitba, bil-Malti u/jew bl-Ingliż, għal tfal ta’ bejn il-5 snin u 12-il sena, u l-familja/kustodji tagħhom. Ix-Xalati ta’ Kitba jdewqu lill-familji kif jaħdem il-proċess tal-kitba u jsiru f’ambjenti rilassanti u ta’ gost.
Ix-Xalati huma bla ħlas u jsiru f’diversi siti u lokalitajiet naturali, storiċi, arkeoloġiċi u kulturali madwar Malta u Għawdex.
Imsieħba f’din l-inizzjattiva mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu hemm entitajiet oħra fosthom Heritage Malta, li tgħin fl-organizzazzjoni ta’ dawn ix-Xalati fil-mużewijiet Maltin u Għawdxin.
Ix-Xalati ta’ Kitba joffru opportunita’ unika lill-ġenituri/kustodji sabiex jipparteċipaw ma’ wliedhom f’attivitajiet ta’ kitba divertenti u prattiċi. Fl-attivitajiet il-ġenituri/kustodji jitħarrġu kif iħaddmu strateġiji tal-kitba li mbagħad ikunu jistgħu jużawhom ma’ wliedhom id-dar meta t-tfal ikollhom xogħol ta’ kitba. Waqt dawn ix-xalati l-parteċipanti jingħataw ktieb mill-isponsor uffiċċjali ta’ dawn ix-Xalati – Merlin Publishers.
Iktar informazzjoni dwar ix-Xalati ta’ Kitba tista’ tinkiseb minn fuq il-paġna tal-Facebook – Xalati ta’ Kitba jew billi ċċempel 2598 3324.
