Kienet ġurnata twila. Konna erbgħa fil-karozza. Konna qed niddiskutu sitwazzjoni diffiċli li sibna ruħna fiha fuq ix-xogħol. Il-bank ma riedx jagħtina s-self li veru kellna bżonn biex insalvaw n-negozju. Il-kumpanija kienet f’riskju li tfalli.
John kien qed isuq il-karozza. Ma kien qal xejn fuq is-sitwazzjoni. Imma f’daqqa waħda biddel ir-rotta ta’ fejn konna sejrin. Xħin saqsejnieh fejn konna sejrin qalilna li għandu bżonn jgħaddi s’għand il-mekkanik. Hekk kif wasalna, John daħal ġol-garaxx tal-mekkanik u wara ftit reġa’ ħareġ u qalilna li għandu jdum daqs sagħtejn biex isewwihielu. Iddeċidejna li sadattant naqsmu bil-lanċa li tieħdok san-naħa l-oħra tal-għadira kbira li konna qribha.
F’ħin minnhom ersaqna qrib l-art li kienet tiġi faċċata tal-post minn fejn konna tlaqna. Kien hemm ġnien mimli ward. Kien qisu xi ħadd tefa’ l-kuluri ta’ nżul ix-xemx fuq il-ġnien. Kien hemm ukoll friefet u għasafar żgħar itiru fuq il-fjuri. Ix-xena kienet pirttoreska. Konna qisna dħalna f’xi ktieb tal-ħrejjef.
Bqajna ssummati bis-sbuħija ta’ madwarna. Imbagħad John tkellem. “Ridt inġibkom hawn biex ngħidilkom storja. Fil-passat din il-gżira kienet vojta. Kien hemm xi siġra ’l hemm u ’l hawn, imma dak kollox. Kien hemm sajjied li kien jgħix hawn. Tistgħu taraw id-dar tiegħu hemmhekk,” qal John hekk kif ipponta lejn daqsxejn ta’ għorfa wara s-siġar.
“Darba ltaqa’ ma tfajla li xtaq jiżżewweġ. Imma kien jaf li l-ebda tfajla ma tkun trid tiġi toqgħod f’post daqshekk diżabitat u iżolat. Imma hu kien sajjied u ma kien jaf jagħmel xejn aktar, allura bilfors kellu jibqa’ jgħix f’din il-gżira.
“L-imħabba tqanqal. Dan is-sajjied fqir iddeċieda li jagħmel din il-gżira post sabiħ biżżejjed biex jiġbed lil din il-maħbuba. Xtara ftit ward u ftit ħamrija u ġabhom fil-gżira. Ħawwel il-warda u ħa ħsiebha mill-aħjar li seta’. Meta wasal is-sajf ta’ wara, is-sajjied innota li l-warda kienet kibret sew. Meta bdiet tiffjorixxi u tiftaħ, is-sajjied ġab lil dik it-tfajla fil-gżira u wrieha l-warda. Kienet għadha kif fetħet b’kulur aħmar li jpaxxik, l-uniku kulur f’wiċċ il-gżira. Saqsieha biex tiżżewġu u wegħdha li jieħu ħsiebha bħalma kien ħa ħsieb il-warda. Hi qaltlu li m’għandhiex bżonn ward. Għarfet kemm kien iħobbha u kemm hi wkoll kienet tħobbu għal dak li hu u mhux għall-warda li offrielha. Aċċettat bil-ferħa u żżewġu.
“Is-snin għaddew minn fuqhom u huma kibru. Il-ħajja kienet iebsa imma kienu ferħanin. Is-sajjied qatt ma nesa l-wegħda tiegħu u mill-ġurnata li t-tfajla aċċettat il-proposta tiegħu, kull meta kien joħroġ biddgħajsa, kien iġib miegħu barmil bil-ħamrija. Bil-mod il-mod, din il-gżira nbidlet fi ġnien mill-isbaħ.
Is-sajjied u martu ilhom li mietu imma l-ward tagħhom għadu hawn. Dan il-ġnien hu monument għaddeterminazzjoni u l-imħabba ta’ dak is-sajjied.
“Aħna qed nibżgħu li mhux se jirnexxielna nsalvaw n-negozju. Kieku nżommu f’moħħna kif din id-daqsxejn gżira inbidlet fi ġnien-ġenna barmil barmil, pass wara pass, kieku nibdew naħsbuha xort’oħra. “Għalhekk x’ħa nagħmlu? Inċedu jew nibdew inġorru l-bramel?”
Tislijiet, L-għalliema tal-PSCD