Aqra u Irrifletti – Leġġenda tal-Milied

Fil-bidu, meta d-dinja kienet għadha vojta, it-tfal kienu kollha fil-ġenna, ferħanin, jilagħbu flimkien, igawdu s-sabiħ kollu li wieħed jista’ jimmaġina! Jum fost l-oħrajn, il-Mulej ġabarhom madwaru u qalilhom: “Ara, id-dinja li għadni kemm ħlaqt għadha vojta u battala. Kont beħsiebni nibgħatkom fiha biex timlewha bil-preżenza, bil-ferħ u bl-innoċenza tagħkom!”

Xi tfal qalulu: “Immorru, iżda rridu nieħdu magħna l-mużika u l-għana li hawn fil-ġenna, għax kif nistgħu ngħixu mingħajr mużika?” U l-Mulej ħalaq l-għasafar!

Tfal oħra qalulu: “Immorru, iżda rridu nieħdu magħna l-kuluri li hawn fil-ġenna, għax kif nistgħu ngħixu f’dinja kulur wieħed, aħna mdorrijin bil-varjetà?” U l-Mulej ħalaq il-ward!

Kien hemm tfal oħra li qalulu: “Aħna nixtiequ nieħdu magħna l-wisa’ u l-blu tas-sema, għax kif nistgħu ngħixu mingħajr dan is-sens ta’ libertà?” U l-Mulej ħalaq il-baħar!

Imbagħad, daqsxejn ta’ tifel, timidu u mistħi ħafna, refa’ sebgħu biex jitkellem u jagħmel is-suġġeriment tiegħu. Qallu: “Mulej, jekk tridni mmur fid-dinja, ikolli mmur, ma nistax ma nobdikx, imma, jekk jogħġbok, ħaġa waħda nitolbok… Ejja miegħi int! Għax kif nista’ ngħix mingħajrek?”

Alla ħares lejn iċ-ċkejken, għannqu miegħu u qallu: “Bil-qalb kollha.” U dakinhar il-Mulej ħalaq l-ewwel Milied.

Minn qalbna nawgurawlkom il-Milied it-tajjeb!

L-għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *