Aqra u Irrifletti – Ried jagħmel kejk!

Patrick, tifel ta’ seba’ snin, xtaq jagħmel xi ħaġa biex iferraħ lill-ġenituri tiegħu. Iddeċieda li jagħmlilhom kejk. X’għamel?

Darba qam kmieni ħafna u niżel fil-kċina biex jibda l-avventura tiegħu. Sab bieqja u mgħarfa tal-injam. Ressaq siġġu u tela’ fuqu biex iġib il-pakkett tad-dqiq. Tant kien tqil li waqgħalu fl-art. Kif seta’, ġabar id-dqiq li waqa’ fl-art u tefgħu fil-bieqja. Issa kellu bżonn il-ħalib u z-zokkor.

Bil-ħalib u z-zokkor fil-bieqja, Patrick beda jħawwadhom mad-dqiq. Malajr induna li kien imtela’ dqiq u zokkor. Kompla jħawwad għax vera xtaq li jagħti sorpriża lil ommu u lil missieru. Hekk kif lesta, fil-kċina daħal il-qattus li kellhom, li dritt mar lejn il-bieqja u beda jlaqqat minn ġo fiha. Meta rah, it-tifel mar biex ikeċċieh, iżda meta għamel hekk waqqa’ l-iskutella bil-bajd li kien hemm fuq il-‘cupboard’.

Meta ra kollox fl-art, Patrick ipprova jnaddaf malajr, iżda żelaq… u ġie bil-qegħda fuq dak iċ-ċaflis kollu. Kif kien fl-art, fil-bieb tal-kċina tfaċċa l-missier. It-tifel tbikkem, għax ra l-ħolma tiegħu tispiċċa ħażin, u stenna li jaqla’ għajta. Il-missier baqa’ jħares lejh għal ftit ħin. Patrick deher tassew diżappuntat. Imbagħad il-missier mexa fuq dak iċ-ċaflis kollu, refa’ t-tifel u għanqu miegħu għax missieru fehem ix-xewqa ta’ ibnu Patrick.

Fil-ħajja, nippruvaw nagħmlu xi ħaġa tajba, imma, mingħajr ma rridu, nispiċċaw ħażin. Meta jiġrilna hekk, forsi nħossuna telliefa u ma nkunu nistgħu naħsbu f’xejn iktar. Importanti li ma naqtgħux qalbna għax xi darba jirnexxielna u mbagħad nifirħu li konna ppruvajna.

Tislijiet,

L-Għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *