Bidwi xiħ kellu żiemel biex jaħratlu l-għelieqi. Darba dan iż-żiemel ħarab qalb l-għoljiet u l-povru bidwi spiċċa jaħdem l-art b’idejh. Ġew il-ġirien biex jikkunslawh. “Jiddispjaċina, ħabib,” qalulu. “kemm int xortik ħażina!” Il-bidwi wieġeb: “Xorti ħażina, xorti tajba? Min jaf?”
Ġimgħa wara, iż-żiemel irritorna fir-raħal u ġab miegħu merħla żwiemel mill-għoljiet u din id-darba l-ġirien daru mal-bidwi jifirħulu. “Kemm int xortik tajba!” qalulu. Il-bidwi wieġeb “Xorti ħażina, xorti tajba? Min jaf?”
It-tifel tal-bidwi beda jimmansa wieħed miż-żwiemel selvaġġi mill-merħla. Ma kienx faċli u, meta fl-aħħar irnexxielu jirkbu, iż-żiemel irmieh minn fuqu, u t-tifel weġġa’ sewwa. Kiser saqajh it-tnejn. Mill-ġdid ir-raħħala tħassru lill-bidwi xiħ għal din l-iżvintura. “Imma x’xorti ħażina għandek, qalulu. Għax għandek iż-żwiemel, kellu jweġġagħlek ibnek!” “Xorti ħażina, xorti tajba? Min jaf?” tenna l-bidwi.
Xi ġimgħat wara, l-armata ġiet ġol-villaġġ biex jiġbru ż-żgħażagħ bil-lieva, għax fil-pajjiż kienet faqqgħet gwerra. Meta raw lill-iben b’saqajh miksura, raw li mhux tajjeb għas-servizz u ma ġabruhx maż-żgħażagħ l-oħrajn tar-raħal. Ir-raħħala malajr qalu kemm kien xortih tajba x-xiħ. Imma hu reġa’ qalilhom: “Xorti ħażina, xorti tajba? Min jaf?”
Min hu xortih tajba? Min hu xortih ħażina fil-ħajja? Kulħadd bl-istorja tiegħu. Kulħadd ikollu l-mumenti sbieħ u l-mumenti koroh fil-ħajja. Hemm żmien biex tifraħ u żmien biex titnikket. Kull ħaġa li tiġri fil-ħajja hi bħal xabla taqta’ minn żewġ naħat – iġġib magħha t-tajjeb u l-ħażin.
Imbierek dak li jkun kapaċi jislet it-tajjeb mill-mumenti sbieħ u mill-mumenti koroh. Il-ħajja hi magħmula 10% minn dak li jiġrilek u 90% minn dak li tagħmel bih. Int x’qed tagħmel b’dak li ġralek jew qed jiġrilek?
Tislijiet,
L-Għalliema tal-PSCD