Kien hemm iljun li ltaqa’ ma’ merħla nagħaġ. Ħa qatgħa hekk kif ra li waħda min-nagħaġ kien propju ljun! Dan l-iljun kien kiber man-nagħaġ minn eta’ żgħira, allura kien jagħmel il-ħsejjes ta’ nagħġa u jimxi bħall-bqija tan-nagħaġ. L-iljun li kien qed josserva, mar dritt fuq l-iljun/nagħġa. Dan tal-aħħar tkexkex hekk kif ra lill-iljun propja… Beda jirtgħod.
U l-iljun staqsieh: “Għalxiex qiegħed qalb in-nagħaġ?” “Għax jien nagħġa bħalhom” wieġeb l-iljun/nagħġa kollu mbeżża’. “Le, m’intix!” qallu l-iljun, “Ejja miegħi.” Minkejja l-biża’ li kellu fuqu, l-iljun/nagħġa ma ssugrax jikkuntlarjah lill-iljun. U f’kemm ilni ngħidlek ħadu quddiem għadira u qallu: “Ħares lejn ir-rifless tiegħek!”
U meta l-iljun/nagħġa ra r-rifless tiegħu fl-ilma, ħarġitlu ħanxra ta’ ljun u minnufih inbidel fi ljun propja. Qatt ma reġa’ lura man-nagħaġ.
Kemm huwa importanti li nkunu nafu tassew min aħna! Kemm se ndumu nkejlu lilna nfusna bil-kejl ta’ ħaddieħor, nikkupjaw dak li jagħmlu l-oħrajn u nħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi l-għażliet tagħna? Ħażin tħares lejn il-mera biex tadura lilek innifsek.
Imma daqstant ieħor ħażin li tadura lill-oħrajn u tkażbar lilek innifsek. Tgħallem ħares lejn il-mera u apprezza dak li int. Tgħallem ħares lejn l-oħrajn u apprezza dak li huma. Basta ma titħawwadx u tagħhom trid tagħmlu tiegħek u tiegħek titilfu f’tagħhom!
Tislijiet,
l-Għalliema tal-PSCD