Aqra u Irrifletti – Kif ser jinqasmu ż-żwiemel?

Wieħed bidwi miet u ħalla 17-il żiemel lit-tlieta minn uliedu.  Meta dawn fetħu t-testment sabu miktub hekk:

Ibni l-kbir jieħu nofs  in-numru ta’ żwiemel.

Il-fustani jieħu terz.

Iż-żgħir jieħu wieħed minn disgħa  taż-żwiemel.

Kien impossibbli li jaqsmu ż-żwiemel b’dan il-mod.  Nofs 17-il żiemel jiġu tmint iżwiemel u nofs.  U kif tista’ tiddividi 17-il żiemel f’disgħa?  Qamet ġlieda bejn l-ulied sakemm iddeċidew li jitolbu l-għajnuna lil bidwi anzjan li kien magħruf għall-għerf tiegħu.

Il-bidwi x-xiħ qara sew dak li kien hemm fit-testment.  Qagħad jaħseb ftit u mbagħad mar ir-razzett tiegħu u ġie lura biż-żiemel tiegħu.  Hekk issa kien hemm 18-il żiemel u mhux 17.  Beda jiddividi n-numru ta’ żwiemel skont kif kien hemm imniżżel fit-testment:

Nofs 18 jiġu 9.  Għalhekk ta disgħa żwiemel lill-kbir.

Terz ta’ 18 jiġu 6.  Għalhekk ta sitt żwiemel lill-fustani.

Wieħed minn disgħa ta’ 18 jiġu 2.  Għalhekk ta żewġ żwiemel lit-tifel iż-żgħir.

Issa, 9 u 6 u 2, jekk tgħoddhom flimkien jiġu 17-il żiemel – eżatt kemm ħalla żwiemel il-missier.

Meta kull tifel kien ħa dak li kien imiss lilu, ix-xiħ għaref qabad iż-żiemel tiegħu li kien ġab u telaq lura r-razzett bih.  Il-problema kienet solvuta.

F’ problema li tidher mingħajr soluzzjoni wieħed irid ifittex dik ix-xi ħaġa li hi barra mill-kaxxa taċ-ċirkustanzi u l-attitudnijiet li jkunu qed iwaħħluna fil-problema.  Jekk infittxu ż-żiemel li ħadd ma kien qed jaħseb fih – dak tal-bidwi x-xiħ – inkunu sibna ċ-ċavetta biex inħollu l-kobba li nkunu tfixkilna fiha.  Jekk nibqgħu imsakkrin fiċ-ċirkustanzi diffiċli, fina nfusna, fir-rabja li hemm fina, fil-weġgħat jew fid-drittijiet tagħna biss, nibqgħu imwaħħlin fil-konflitt, fid-dwejjaq u l-miżerja li nkunu fihom.  Jekk trid issib lilek innifsek , oħroġ minnek innifsek!

 

Tislijiet,

L-Għalliema tal-PSCD.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *