Tant kien ilu jgħidli bl-ikla li kien mistieden għaliha, li malli rajtu staqsejtu kif kien mar.
Weġibni: “ Li kieku s-soppa kienet sħuna daqs l-inbid,
U li kieku l-inbid kien antik daqs it-tiġieġa,
U li kieku t-tiġieġa kienet tarja daqs il-waitress li
servietna,
u li kieku l-waitress kienet minn tagħna daqs ix-xiħa li
kien hemm maġenbi… kieku kont nieħu gost.”
“Li kieku jaħasra…” Kemm il-darba naħsibhom u anke ngħidhom dal-kliem. Jien, ngħid għalija, l-affarijiet mhux dejjem jiġu kif nixtieqhom – anzi rari! U tgergira kultant irridha ħa nneħħi dak li jkolli fuq l-istonku tiegħi; imma kultant nsibni qed naħli ħafna ħin neqred u ngerger kemm l-affarijiet qed jaħqruni!”
Il-ħabib tiegħi ġabni fiha – dat-tgergir żejjed la jgħin lili, la ħa jirranġa l-affarijiet u fuq kollox idejjaq ħafna lil min ikun miegħi. Se nħallu d-dwejjaq jiġru bina u joħduna magħhom?… mhux aħjar jekk infittxu l-ferħ tagħna band’oħra?
Tislijiet,
L-Għalliema tal-PSCD