Aqra u Irrifletti – Il-fiduċja tal-iben lejn missieru

Meta r-raġel abjad rifes fil-kontinent Afrikan u beda dieħel ‘il ġewwa, bogħod mill-baħar qalb il-ġungla u l-boskijiet tal-kontinent, iltaqa’ ma’ bosta tribujiet li kollha kellhom id-drawwiet tagħhom.

U fost dawn id-drawwiet tissemma dik imsejħa tal-fjura tar-rebbiegħa.  L-ewwel fjura tal-istaġun.  Min kien jilmaħ din il-fjura kien ikollu sena sħiħa ta’ ikel għall-familja tiegħu.

U sena minnhom kien daqsxejn ta’ tfajjel li lemaħ din il-fjura mxabbta ma’ l-eħrex dagħbien.  Raha imma ma setax iġġibha għax kienet f’nofs is-sies.  Ried jiddendel għaliha minn fuq.  Imma twerwer meta sħabu qalulu li lesti jniżżluh bil-ħabel u meta jaqtagħha jmur u jippreżentaha lill-kap tat-tribu’.  Iżda ħarsa lejn dak id-dagħbien fond u sewdieni… mimli għollieq u ġebel ippuntat, qatgħulu qalbu.  Dlonk wasal missieru li meta sar jaf bis-sejba ma xtaqx jitlef dak il-premju… ta’ sena ikel għall-familja kollha.  Anqas ried jitlef lil ibnu li nzerta l-kbir u li kien iħobbu ħafna.  Imma xorta qallu: “Ibni sena ikel għall-familja tagħna tfisser ħafna.  Inżel għall-fjura u inżommlok il-ħabel jien.  F’idejja tkun fis-sod!” U t-tifel bla ma ħasibha xejn resaq lejn tarf is-sies, intrabat kif kien tgħallem jagħmel minn eta’ żgħira u ħalla lil missieru jniżżlu biex jaqta’ l-fjura. U meta qattagħha tela’ ferħan biex imur jipreżentaha lill-kap tat-tribu’.  U sħabu staqsewh: “Għaliex meta ridna nniżżluk aħna bżajt u meta qallek missierek inżilt bla ebda biża’?” “Għax kont ċert li missieri ma kienx ser iħallini naqa’.”

Mhux jaħasra li jien u int ikollna l-istess fiduċja f’min tassew iħobbna u hu għażiż għalina.  Kemm ikun awgurju sabiħ għas-sena l-ġdida!

Tislijiet,

Għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *