Aqra u Irrifletti – Biex tiskonġra trid tkun pur

George sema’ xi ħsejjes billejl u meta ħares mit-tieqa ntebaħ li kien hemm xi ħallelin qed jisirqu l-għodda tar-raba’ li kellu fil-kamra tal-ġnien.  Mill-ewwel ċempel lill-pulizija, tahom l-indirizz u qalilhom b’dak li kien qed jiġri.  Iżda l-pulizija wieġbu xott xott. ‘’Agħlaq id-dar sew.  Bħalissa ma nista’ nibgħatlek lil ħadd għax il-pulizija kollha okkupati bi problemi ferm ikbar minn tiegħek.

George ħalla ftit minuti jgħaddu u reġa’ ċempel.  Din id-darba qallu: ‘’Toqgħodx tinkwieta!! Sibtilhom tarfhom kollha.  Sparajt għalihom it-tlieta u qtilthom.’’  Malajr waslu xi tliet karozzi tal-pulizija li qabdu lill-ħallelin fil-fatt iżda xorta riedu sodisfazzjon mingħand George għax kien daħak bihom.  Fil-fatt riedu jarrestawh fuq informazzjoni ħażina li hu kien ta apposta.

L-uffiċjal qallu: ‘’Gdibtilna meta għidtilna li sparajt għalihom u qtilthom.’’  George wieġeb: ‘’Bħalma gdibtuli intom meta għidtuli li m’għandkomx nies.  Kellkom għax ġejtu għaxra biex taraw x’ġara.’’  L-uffiċjal ħass li aħjar iwaqqaf kollox milli jipproċedi imma l-gazzetti saru jafu u perrċu l-istorja xorta waħda.

Kif tagħmel jagħmlulek.  Qabel ma takkuża lil xi ħadd agħti ħarsa lejk innifsek u ara jekk int stess intix qed tagħmel dak li qed tikkundanna fl-oħrajn.  Il-qawl jgħid li min jiskonġra jrid ikun pur, jiġifieri li min irid jara l-ħażin f’ħaddieħor irid jibda billi jara l-ħażin fih innifsu.

Ibda int billi tkun onest u sinċier ma’ kulħadd.  Min jaf, forsi l-oħrajn jagħmlu l-kuraġġ u jkunu onesti huma wkoll!!

Tislijiet,

L-għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *