Nhar il-Ħamis 25 ta’ Frar, fis-sala tal-iskola ttellgħet attività bl-isem ta’ ‘All you need to know about Science’. Għal din l-attività kien hemm preżenti t-tfal tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena. Għal madwar siegħa u kwart l-istudenti kellhom spettaklu mhux tas-soltu mimli reċtar, ċajt u daħk kif ukoll esperimenti li bihom tgħallmu aktar dwar ix-xjenza fil-ħajja ta’ kuljum.
Iż-żewġ atturi li tellgħu dan ix-xow missew diversi temi xjentifiċi dwar il-bidu tad-dinja, l-arja, l-ilma, il-mikrobi, il-gravità u s-sistema diġestiva tal-bniedem fost oħrajn. L-atturi interpretaw il-partijiet ta’ diversi xjentisti magħrufin billi libsu kostumi filwaqt li tkellmu dwar ix-xogħol tagħhom. Fost dawn kien hemm il-karattri ta’ Sir Isaac Newton u Louis Pasteur. Bil-komiċità tagħhom, l-involviment tat-tfal u esperimenti interessanti fuq il-palk, żammew lit-tfal attenti u bi tbissima fuq fommhom matul l-attività kollha.
M.Ciappara
Għalliema