Ħafna drabi fil-ħajja mgħaġġla li ngħixu fija, biex żgur ma ninsewx xi ħaġa barra, naraw kif nivvintaw modi differenti biex niftakru! U min iżomm ktejjeb żgħir u fih iniżżel x’għandu jagħmel u l-appuntamenti li jrid iżomm. Oħrajn iżommu kollox fuq il-mowbajl jew aċċessorji oħra elettroniċi u Alla ħares jekk ninsewhom warajna għax ittina rasna. Sirna nies mimlijin listi ta’ kull tip u li bihom inserrħu rasna li nkunu nistgħu nlaħħqu ma’ kollox. Mhux l-ewwel darba li smajna lil min juri x-xewqa kemm ikun aħjar li kieku l-ġurnata jkun fiha 48 siegħa minflok 24!
Forsi min qed jaqra f’qalbu qed jistaqsi – X’ifisser eżatt dan l-artiklu? Għalkemm l-istaġun tal- festi għadda u l-listi ta’ rigali li kellna kollha qattgħajnihom hawn taħt ġejja lista. Lista kemmxejn oriġinali imma li waqt li konna qed infittxu dwar xiex konna se niktbu dan ix-xahar, laqtitilna l-attenzjoni tagħna sew.
Lista ta’ rigali li tgħodd għal matul is-sena kollha u li ma tiswiex flus! Lista li jekk kollha kemm aħna nipprattikawha żgur li nagħmlu ħafna ġid biha apparti li toħloqilna sens kbir ta’ sodisfazzjon!
Minflok ….
… nixtri rigal lil min inħobb, inkun jien rigal fil-mod kif inġib ruħi.
…ngħatti rigal b’karta sabiħa, ngħatti lil min inħobb b’tgħanniqa sinċiera.
…nibgħat ħafna kartolini, nibgħat awgurju ta’ paċi u saħħa.
…nixtri ħafna ikel għalija, naħseb f’min m’għandu xejn.
…nixtri ħwejjeġ ġodda, nagħti lil min m’għandux.
… nara li jkolli ħafna kumdita’ żejda, naħseb kif nista’ ngħin biex ħaddieħor jista’ jkun komdu wkoll.
Naħsbu ftit…
Li naħsbu fl-oħrajn huwa wieħed mill-valuri tant meħtieġa fid-dinja materjalista li drajna ngħixu fiha, speċjalment meta kull minuta li tgħaddi rridu naraw kif nużawha. Tant sirna naħsbu fina biss u kif se nlaħħqu dak li rridu nagħmlu, li qed nispiċċaw ninsew il-valur tant sabiħ tas- sempliċita’.
Kelma ta kuraġġ…
Let us pray for peace, and let us bring it about, starting from our homes. Pope Francis
Ejja nitolbu għall-paċi, u ejja nippruvaw naħdmu għaliha, billi nibdew ġewwa djarna stess. Papa Franġisku.
Tislijiet – Josette Attard/Elisa Vassallo