Aqra u Irrifletti – Il-KIRURGU U L-OPERAZZJONI

Kirurgu daħal bl-għaġġla l-isptar wara li ċemplulu għal operazzjoni urġenti. Hu rrisponda malajr kemm seta, biddel ħwejġu u mar dirett l-isptar. Huwa sab il-missier ta’ tifel jippassiġġa fis-sala jistenna lit-tabib. Kif rah il-missier għajjat: ‘ Għalfejn domt daqshekk biex tiġi? Mela ma tafx li l-ħajja ta’ ibni qiegħda fil-periklu? Mela m’għandekx sens ta’ responsabbilita’?’’

Il-kirurgu tbissem u qal:’’Skużani, imma ma kontx l-isptar u ġejt malajr kemm stajt wara li rċivejt it-telefonata..u issa, nixtieq li tikkalma ħalli nkun nista’ nagħmel xogħoli.’’

‘‘Nikkalma?! Kieku ibnek kien f’din il-kamra bħalissa, kieku int kont tikkalma? Kieku ibnek imut issa x’tagħmel int?’’ qallu l-missier irrabbjat.

It-tabib reġa’ tbissem u qal, ‘‘Se nagħmel minn kollox biex ibnek ikun aħjar mill-aktar fis possibli.’’ L-operazzjoni ħadet ftit sigħat u l-kirurgu ħareġ kuntent.

‘‘Għall-grazzja t’Alla ibnek salva!” u mingħajr ma qagħad jistenna għar-risposta tal-missier reġa’ telaq il-kirurgu jiġri ‘l barra. ‘’Jekk għandek xi domandi staqsi lill-infermiera!’’

‘‘Għalfejn hu daqshekk arroganti? Ma setax jistenna ftit minuti ħalli nsaqsih dwar l-istat t’ibni,’’ ikkummenta l-missier meta ra lill-infermiera ftit minuti wara li telaq il-kirurgu.

L-infermiera irrispondietu, bid-dmugħ nieżel minn għajnejha, ‘’ It-tifel tiegħu miet ilbieraħ f’inċident tat-traffiku, hu kien għall-funeral tiegħu meta ċempilnielu minħabba l-operazzjoni ta’ ibnek. Issa salva l-ħajja tat-tifel tiegħek, telaq jiġri jkompli bil-funeral ta’ ibnu.’’

Huwa faċli li tiġġudikaw lill-oħrajn. Qatt m’għandek tiġġudika lil ħadd għax ma tafx kif inhi l-ħajja tagħhom u minn xhiex għaddejjin!

Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *