Raġel kemmxejn indaħħal fiż-żmien mar jgħix ma’ ibnu, mal-mara ta’ ibnu u man-neputi ta’ erba’ snin. Idejn dan ir-raġel kienu jirtogħdu, il-vista batuta u riġlejh dgħajfin. Huma kienu jieklu flimkien bħala familja, imma r-raġel kien isib diffikulta’ biex jiekol minħabba r-rogħda u l-vista. L-ikel kien jaqa’ mal-art; u meta kien jaqbad it-tazza biex jixrob, il-ħalib kien jinxtered fuq it-tvalja. Ibnu u l-mara bdew jiddejqu b’dan.
“Irridu naraw x’nagħmlu,” qal l-iben.
“Iddejjaqt bil-ħalib imxerred, ħsejjes waqt l-ikel u bl-ikel mal-art.”
Għalhekk lestew mejda żgħira fir-rokna, fejn ir-raġel anzjan u batut kellu jiekol waħdu waqt li l-kumplament tal-familja kienet miġbura flimkien. Minħabba li kien kisser xi platti, issa bdew jagħtuh jiekol fi skutella tal-injam! Meta kienu jħarsu lejh, ġieli raw demgħa ċċarċar għax kien iħossu waħdu. Madanakollu kienu jkellmuh biss biex iċanfruh meta jwaqqa’ xi ħaġa. It-tifel ta’ erba’ snin kien josserva fis-skiet.
Darba waħda, qabel l-ikla ta’ filgħaxija, dan it-tifel kien qed jilgħab b’xi biċċiet tal-injam mal-art.
Missieru staqsieh bil-ħlewwa, “X’qed tagħmel?”
U t-tifel wieġeb, “Qed nagħmel skutella għalik u għall-mama’ biex tieklu minna meta nikber.”
It-tifel tbissem u kompla b’xogħolu. Il-ġenituri baqgħu bla kliem għal dan. Id-dmugħ beda nieżel ma’ ħaddejhom, u għalkemm ħadd ma lissen kelma, kienu jafu xi jridu jagħmlu. Dakinhar filgħaxija, ir-raġel qabad id missieru u bil-ġentilezza kollha ħadu mal-mejda magħhom. Baqa’ jiekol magħhom kuljum, sa l-aħħar. U għal xi raġuni jew oħra, ma tawx aktar kas jekk iwaqqa’ xi ikel jew ħalib.
Matul is-sena u b’mod speċjali issa li hu żmien il-Milied, kemm ikun sew li nuru rispett lejn il-ġenituri tagħna u nagħtuhom l-attenzjoni li tixirqilhom!
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)