Fl-aħħar Tereża kienet qatgħet xewqitha… Xtrat sett borom ġodda. Qed nirreferi għal dawk il-borom li ssajjar bla żejt u bla ilma. Tereża kienet qisha rebħet il-lotterija daqskemm kienet kuntenta bihom. Ma xtaqitx tużahom biex ma ċċappashomx. Imma fl-aħħar bdiet issajjar fihom.
Darba waħda Tereża u żewġha Ġużi marru għand ħutha u bla dubju d-diskors waqa’ fuq il-borom. ‘’Ġużi, għidilhom kemm qed tiekol tajjeb u bnin fil-borom il-ġodda,’’ qalet kburija Tereża. ‘’Veru,’’ wieġeb Ġużi, ‘’L-aktar meta niftakar f’dawk il-flus kollha li tajret fihom.’’ Tereża nstamtet u ma qalitx kelma oħra.
Kos, għaliex aħna daqshekk iebsin biex nifirħu ma’ min qed jifraħ? Għaliex nibżgħu nfaħħru lil xulxin? Ħafna drabi l-ġlied jinqala’ għaliex neqsin minn ċerta delikatezza u ġentilezza. Nieħdu lil xulxin bil-herra. Nużaw kliem goff li jweġġa’ jew inwaqqgħu għaċ-ċajt lil xulxin.
Xi swielu Ġużi li kiser lil martu? Ħoloq aktar tensjoni, aktar ġlied, aktar inkejja u piki. Id-dinja hija għatxana għal nies li fil-ħajja jafu jitbissmu lil xulxin jew li jafu jaraw it-talenti u s-sabiħ li hemm f’kull wieħed u waħda minna. Ejjew mela napprezzaw lil xulxin. Inkunu qed ngħinu biex ngħixu f’dinja isbaħ u iżjed hienja.
Tislijiet,
Doreen Aquilina
Marie-Claire Sammut
(Għalliema tal-PSCD)