Il-Kampanja “Aqra fis-Sajf”

Huwa fatt magħruf li fis-sajf ħafna tfal u studenti, l-aktar dawk li jgħixu f’ambjenti soċjoekonomiċi mwiegħra, jinsew jew ma jibqgħux iħaddmu xi ħiliet u kisbiet mit-tagħlim li jkunu akkwistaw tul is-sena skolastika. Ir-riċerka turi li l-qari jista’ jgħin lill-istudenti jżommu u jibqgħu jinqdew bil- ħiliet u l-kisbiet mit-tagħlim li jkunu kisbu matul is-sena. Għal dan il-għan, dan is-sajf, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qiegħed iniedi l-kampanja Aqra fis-Sajf biex iħeġġeġ lill-istudenti kollha jaqraw kemm jifilħu. Din il-kampanja qiegħda ssir bi sħab bejn l-Aġenzija Nazzjonali tal- Litteriżmu, il-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi, l-entità Libreriji Maltin u d-Direttorati tal- Edukazzjoni.

Biex il-kampanja tkun suċċess, l-istudenti jrid ikollhom il-kotba f’idejhom jew ikollhom aċċess għall-kotba. Għaldaqstant saru l-arranġamenti meħtieġa biex fis-sajf xi libreriji pubbliċi u tal-iskejjel iżidu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom. Se jsiru wkoll attivitajiet ta’ qari għall-gost għat-tfal u l-ġenituri/kustodji tagħhom waqt Skolasajf u fil-libreriji bis-sehem tal-programmi tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Aqra Miegħi/Read with Me, Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories u L- Ambaxxaturi tal-Qari.

Ir-riċerka turi li:

  • L-istudenti li jaqraw fis-sajf imorru aħjar fl-iskola.
  • L-istudenti li ma jaqrawx fis-sajf jitilfu l-benefiċċji ta’ daqs xahrejn tagħlim li jkunu ħadu mill-

    iskola.

  • L-istudenti li jieħdu gost jaqraw imorru aħjar fl-iskola minn dawk li ma jiħdux.
  • L-istudenti li jagħżlu huma x’kotba jaqraw, jaqraw ħafna aktar kotba minn sħabhom.
  • Huwa rrakkomandat li t-tfal u l-istudenti jaqraw tal-anqas 5 kotba fis-sajf.
  • L-istudenti li tul is-snin tal-edukazzjoni primarja tagħhom ma jmissux ktieb bi jdejhom fis-sajf,

    sal-aħħar tal-primarja jaqgħu lura b’sentejn fit-tagħlim ħdejn sħabhom li jaqraw.

    Fid-dawl ta’ dan kollu nistiednu lill-iskejjel u l-edukaturi biex jgħaddu dawn il-linji gwida lill- ġenituri/kustodji tat-tfal u l-istudenti.

Il-Kampanja Aqra fis-Sajf Linji gwida għall-ġenituri/kustodji tal-istudenti biex jiżdied il-qari fis-sajf:

  • Isħqu ma’ wliedkom kemm hu importanti li fis-sajf jaqraw.
  • Tkellmu fuq il-qari bħala attività ta’ gost.
  • Lit-tfal agħtuhom lista ta’ kotba tal-qari xierqa għalihom.
  • Waqt il-ġurnata għandu jkun hemm ħin li fih it-tfal ma jkunux jistgħu jilagħbu logħob diġitali

    u/jew jaraw it-televiżjoni ħalli hekk jitħajru jaqraw.

  • Uru lil uliedkom kif għandhom jaqraw billi fost oħrajn taqrawlhom.
  • Ħudu lil uliedkom għal xi programm tal-qari għall-gost li se jsiru waqt Skolasajf jew fil-libreriji

    pubbliċi.

  • Ħudu regolarment lil uliedkom f’xi librerija pubblika u ħeġġuhom jissellfu l-kotba.
  • Saqsu lil uliedkom u ddiskutu magħhom il-kotba li jkunu qraw.
  • Aqraw il-kotba lil u/jew ma’ wliedkom.
  • Isimgħu lil uliedkom jaqrawlkom il-kotba jew jirrakkontawhomlkom.
  • Araw liema hu l-awtur jew serje ta’ kotba għal qalb uliedkom u aqrawhom kollha.
  • Intom u tivvjaġġaw jew issiefru, isimgħu ktieb jew stejjer jinqraw fuq diska kompatta, ipod,

    tablet, radju, eċċ.

  • L-għażla tal-kotba li jkunu se jaqraw it-tfal/l-istudenti għandha ssir minnhom stess.
  • Fid-djar għandu jkun hemm materjal bħal kotba u rivisti xierqa li t-tfal jistgħu jaqraw.

    Hawn taħt għandkom issibu listi ta’ kotba bil-Malti tajbin għat-tfal u l-istudenti li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tissuġġerixxi lill-ġenituri/kustodji, il-qraba u l-edukaturi.

    Se jkunu qegħdin jitilgħu aġġornamenti fuq il-kampanja Aqra fis-Sajf fil-paġna tal-facebook: https://www.facebook.com/pages/Aqra-fis- Sajf/837027316364775?skip_nax_wizard=true&ref_type=pages_you_admin

    Grazzi tal-kollaborazzjoni,

    Gaetano Bugeja
    Direttur,

    Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu

  • DCM 146 – Lista Addizzjonali 2015
  • DCM 146 – Lista ta’ Kotba tal-Malti approvata 11-16-il sena 2015
  • DCM 146 – Lista ta’ Kotba tal-Qari Supplimentar 2014

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *