Aqra u Irrifletti – JIEN UKOLL GĦANDI DIFETT

Kien hemm bidwi li kellu klieb għall-bejgħ. Għalhekk pinġa tabella biex jirreklama dawn il-klieb. Hekk kif kien qed itella’ t-tabella li tgħid li għandu l-klieb għall-bejgħ, jersaq lejh wieħed tifel żgħir u jgħidlu:

“Irrid nixtri wieħed mill-klieb tiegħek”

Il-bidwi, waqt li mesaħ l-għaraq li kellu fuq għonqu qallu, “dawn il-klieb jiswew ftit mhux ħażin!”

It-tifel baxxa rasu għal mument, daħħal idejh fil-but u ħareġ ftit muniti żgħar u uriehom lill-bidwi. “Għandi Ewro. Biżżejjed biex tal-anqas, narahom il-klieb?”

“Iva tajjeb,” wieġbu l-bidwi waqt li saffar tisfira biex joħorġu l-klieb.

Fil-pront joħorġu ħamest iklieb il-ġmiel tagħhom.

It-tifel għafas wiċċu max-xibka li kienet iddawwar il-bitħa fejn kienu l-klieb. Għajnejh xegħlu bil-ferħ.

Hekk kif il-klieb kienu qed jiġru lejn ix-xibka, it-tifel innota xi ħaġa oħra fil-kmajra minn fejn ħarġu. Bil-mod il-mod, donnu mbeżża’, ħareġ kelb ieħor. Dan kien jidher iżgħar sew mill-oħrajn. Il-kelb beda jzappap lejn il-klieb l-oħra bi sforz biex ilaħħaq magħhom.

“Lil dak irrid,” qal it-tifel, waqt li pponta lejn il-kelb iż–żgħir u zopp.

Il-bidwi tbaxxa lejn it-tifel u qallu bil-ħlewwa: “Ibni, int trid li jkollok kelb li qatt mhu se jimxi sew u lanqas jiġri u jaqbeż? Dak qatt mhu se jkun kapaċi jiġri u jilgħab miegħek bħalma kapaċi jagħmlu l-oħrajn.”

Bla ma qal xejn, it-tifel beda jtella’ l-qalza ta’ saqajh ix-xellugija biex juri lill-bidwi li hu wkoll għandu difett f’saqajh. Kellu ħadida li kienet twassal għal żarbun magħmul apposta għalih. It-tifel ħares lejn il-bidwi u qallu: “Qed tara, jien ukoll ma nistax niġri ħafna u l-kelb ikollu bżonn xi ħadd li jista’ jifhmu.”

Id-dinja hi mimlija b’nies li għandhom bżonn lil min jifhimhom. Meta tara xi difett fl-oħrajn, ikxef il-maskra tiegħek stess u tinduna li hemm taħt, ġo fik, hemm l-istess difetti li qed tmaqdar jew tikkundanna fl-oħrajn.

Jekk tammetti, tinduna li ħadd aħjar minnek ma jista’ jifhem lil min hu dgħajjef u lil min żbalja.

Tislijiet,

Doreen Aquilina

Marie-Claire Sammut

(Għalliema tal-PSCD)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *