Konferenza Dwar l-Edukazzjoni

L-EDUKAZZJONI FEJN QED TWASSALNA?                                                  

Forum minn Caritas Malta fl-24 ta’ April

 

Caritas Malta se ttella’ Forum bit-tema L-edukazzjoni fejn qed twassalna? Dan il-Forum se jkun miftuħ għall-ġenituri, edukaturi u żagħżagħ. L-udjenza li se tattendi hi mħeġġa tipparteċipa.

Il-kelliema ta’ dan il-Forum huma l-President Emeritus George Abela, Prof. Carm Borg, Dr Nadia Vassallo u Fr Hilary Tagliaferro. Moderatur tal-Forum huwa Dr Andrew Azzopardi.

Il-Prevention Unit fi ħdan Caritas Malta ilu ħafna snin jagħmel diversi laqgħat fl-iskejjel mal-istudenti fejn jitkellem dwar l-għodod u l-ħiliet li persuna għandha bżonn biex tagħraf tagħżel dak li hu tajjeb għaliha. Taħdem ukoll mal-ġenituri permezz ta’ laqgħat ta’ formazzjoni fuq it-trobbija ta’ wliedhom.

L-idea wara dan il-Forum, li se jkun qed jistieden lill-ġenituri, żgħażagħ u edukaturi, huwa li jiġi diskuss fejn qed twassalna l-edukazzjoni. Permezz tal-kelliema se naraw x’nifhmu bil-kelma edukazzjoni.

Qegħdin nifhmu biss li l-kelma edukazzjoni hija riferenza għas-sistema edukattiva akkademika jew nifhmu li l-edukazzjoni għandha tibda mal-konċepiment tat-tarbija, bl-ewwel snin tat-trobbija u l-pedament li jippreparaw il-ġenituri? Se niddiskutu liema hu r-rwol li qed jilagħbu l-ġenituri f’dan kollu u jekk hux qed inkunu ġusti li naħsbu li l-edukazzjoni tiġi biss mill-iskola.

Il-Forum se jsir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ April fis-6 ta’ filgħaxija fis-sala ta’ Caritas li qiegħda fit-tieni sular tal-binja tal-Kurja. Dħul minn Triq l-Iljun, in-naħa ta’ wara. Dħul bla ħlas.

CaritasMaltakonferenza

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *