Naqraw, Naħsbu u Nidħku Ftit – L-iskutella Tal-Injam

Naqraw ftit…

Raġel anzjan li saħħtu kienet qed tħallih, mar joqgħod mal-familja ta’ ibnu. Ibnu kien miżżewweġ u kellhom tifel ta erba’ snin. L-anzjan sar ibati bir-rogħda, il-vista marritlu lura ħafna u saqajh lanqas baqgħu jifilħuh! Ta’ kuljum il-familja kienet tinġabar madwar il-mejda għall-ikla ta’ filgħaxija. Miskin in-nannu kien isib diffikultajiet kbar biex jiekol waħdu minħabba r-rogħda u l-vista batuta. L-ikel kien jaqgħalu mal-art u jaqleb il-ħalib fuq id-dvalja kull darba li kien jixrob. Dan kien jiġri ta’ kuljum u għaldaqstant ibnu u l-mara tiegħu bdew jiddejqu ferm b’din is-sitwazzjoni. “Hemm bżonn naraw x’nagħmlu,” qal iben l-anzjan. “Jien xbajt kuljum iwaqqa’ l-ħalib, ħafna ħsejjes biex jiekol, u kull darba bl-ikel fl-art!”

Iben l-anzjan u martu malajr sabu soluzzjoni billi ramaw mejda żgħira fir-rokna. U b’hekk in-nannu waqt ħin l-ikel sab ruħu bilqegħda waħdu waqt li l-kumplament tal-familja kienu jgawdu jieklu komdi mal-mejda tas-soltu tal-ikel. Mhux talli l-anzjan biddlulu l-post fejn jiekol, talli anke l-platti biddlulu! Peress li mhux l-ewwel darba li kisser xi platt bi żball, l-ikel bdew iservuhulu fi skutella tal-injam. Mhux l-ewwel darba li ġieli raw lin-nannu bid-dmugħ f’għajnejh meta kien ikun bilqegħda waħdu jiekol. Madankollu ibnu u martu xorta kienu jgħajtu miegħu kull darba li kien iwaqqa’ l-ikel jew taqgħalu l-furketta! In-neputi ta erba’ snin kien josserva kollox fis-skiet!

Lejla waħda, qabel l-ikla ta’ filgħaxija, l-missier beda josserva lil ibnu jilgħab bi ftit biċċiet tal-injam. Bl-ikbar ġentilezza l-missier staqsa lil ibnu, “X’qed tagħmel sabiħ?” Bl-istess ġentilezza t-tifel ċkejken wieġbu, “Oh, qed naħdem skutella tal-injam żgħira, għalik u għall-mama’, biex meta nikber ikolli fejn nagħtikom x’tieklu.” Tbissem lil missieru u kompla fuq xogħlu. Dawn il-ftit sentenzi ħallew lill-ġenituri mingħajr kliem, tant emozzjonaw ruħhom li beda nieżel id-dmugħ ma’ ħaddejhom. Mingħajr ma qalu kelma bejniethom kienu jafu eżatt x’għandhom jagħmlu. Dakinhar stess filgħaxija n-nannu reġa’ beda jiekol fuq l-istess mejda mal-familja kollha.

Għall-kumplament ta’ ħajtu n-nannu baqa’ dejjem jiekol flimkien mal-familja u għal xi raġuni qatt iktar ma kien hemm garr għax jaqa’ l-ikel fl-art jew għax waqqa’ l-ħalib jew li d-dvalja ttebbgħat!

Naħsbu ftit…

It-tfal huma sinċiera u diretti! Jafu josservaw ħafna dak li jaraw, jafu jisimgħu u jifhmu. It-tfal kapaċi jipproċessaw dak kollu li jaraw u jisimgħu u jitgħallmu! L-eżempju jkaxkar fil-veru sens tal-kelma! Jekk jarawna naħdmu għal atmosfera ta’ mħabba u paċenzja bejnietna fil-familji tagħna, huma se jimitaw dawn il-valuri u jadottaw din l-attitudni għall-kumplament ta’ ħajjithom ma’ dawk ta’ madwarhom. Ejja naħdmu biex inkunu bnedmin ta’ stoffa tajba u ta’ min jimitana.

Nidħku ftit…

 

Omm u binha.

B’kurżita’ kbira fuqu t-tifel staqsa lil ommu, “Ma, dan għaliex xi ftit minn xagħarek donnu qed isir griż?” Ma’ dan il-kliem, l-omm ħatfet l-okkażjoni biex tagħti tagħlima lil binha u qaltlu, ”Eħħħ ibni, ftit minn xagħri qed tarah isir griż minħabba fik. Kull darba li ma toqgħodx bilgħaqal u tagħmel xi waħda minn tiegħek tinbidilli waħda minn xagħri fi griża. Fhimtni qalbi tiegħi?” Bl-ikbar innoċenza t-tifel wieġeb, “E!! Issa qed nifhem il-għala ras in-nanna għandha biss xagħar griż mela!!!”

Tislijiet,

Josette Attard u Elisa Vassallo

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *