Naqraw ftit…
Darba waħda viċin il-belt ta’ Tokjo kien hemm jgħix Samuraj famuż illum imdaħħal sew fiż-żmien. Dan xtaq jagħti tagħlima lill-istudenti żgħażagħ tar-raħal fejn kien jgħix. Tagħlima li żgur isservihom għal ħajjithom kollha.
Għodwa waħda wasal f’dan ir-raħal fejn kien jgħix dan is-Samuraj anzjan, ġellied magħruf sew madwar id-dinja kollha li qatt ma tilef kull ġlieda li kellu. L-iktar ħaġa li dan il-ġellied kien magħruf għaliha kien propju in-nuqqas ta’ rispett li kellu lejn kollox u kulħadd. Kif ngħidu, ma kellu l-ebda skuplu quddiem xejn! Ir-raġuni għala mar fir-raħal fejn jgħix is-Samuraj kienet propju biex jiġġieled miegħu, jirbaħ bħas-soltu u b’hekk ikabbar ir-reputazzjoni u l-fama tiegħu.
L-istudenti żgħażagħ xejn ma qablu mal-għalliem anzjan tagħhom meta dan laqa’ l-isfida li ppreżentalu l-ġellied mal-wasla fir-raħal.
Il-jum tal-isfida wasal u kulħadd inġabar fil-pjazza tar-raħal. Il-ġellied żagħżugħ minnufih beda jinsulta lis-Samuraj anzjan. Saħansitra beda jitfgħalu l-ġebel, jobżoqlu f’wiċċu, jgħajjat kull tip ta’ tagħjira li bdiet tiġih f’moħħu. Sa anke ma staħax jgħajjarlu l-antenatI u l-familjari tiegħu!
Dam sigħat sħaħ jagħmel minn kollox biex jipprovokah, imma s-Samuraj anzjan baqa’ passiv il-ħin kollu. Baqa’ passiv sa wara nofsinhar, tant li l-ġellied għajja jara li l-anzjan ma wera l-ebda reazzjoni! Il-ġellied ardit, umiljat, fl-aħħar qata’ qalbu u telaq.
L-istudenti tal-għalliem anzjan ddiżappuntati ghal dawk l-insulti kollha li qala’ mingħajr ma ghamel xejn staqsewh, “Kif qadt għalihom dawk l-insulti u t-tagħjir kollu? Kif issaportejt din l-attitudni hekk kerha lejk? Ma nistgħux nifmhu kif ma għamiltx użu mix-xabla tiegħek minkejja li kont taf li kien hemm ċans kbir li titlef? Urejt il-biża’ tiegħek quddiemna kollha!”
Is-Samuraj anzjan wieġeb billi staqsiehom, “Jekk ma taċċettawx rigal li xi ħadd jagħtikhom, ta’ min ikun ir-rigal?”
L-istudenti dlonk wieġbuh, “Ħeqq ir-rigal jibqa’ għand dak li jkun ġabu.”
“L-istess jiġri għall-għira, rabja u l-insulti,” wieġeb l-għalliem anzjan. “Kull darba li dawn ma naċċettawhomx jibqgħu għand min ikun ġabhom!”
Naħsbu ftit…
Spiss f’ħajjitna niltaqgħu ma’ dawn it-tip ta’ nies li kull ma jkollhom x’joffru huma affarijiet negattivi. Pero f’idejna inħalluhomx jaffetwawna, daqskemm kemm hu wkoll f’idejna li ma nkunux aħna stess li noffruhom! Kull ma ngħidu u nagħmlu jħalli impatt u għandu konsegwenza.
Nidħku ftit…
Konversazzjoni bejn il-bniedem u Alla:
Il-bniedem, “ Mulej, kemm huma twal miljun sena?”
Alla, “Għalija, bejn wieħed u ieħor daqs minuta.”
Il-bniedem, “ U kemm jiswew miljun Ewro?”
Alla, “Ghalija mhux iktar minn ċenteżmu.”
Il-bniedem, “Mulej, mela tista’ tagħtini ċenteżmu, jekk jogħġbok?”
Alla, “Kemm tistenna minuta.”
Tislijiet,
Josette Attard u Elisa Vassallo