Nirriflettu Ftit – Tazza Ilma

Naqraw ftit…

Professur f’Universita’ ġewwa l-Amerka, beda l-lezzjoni billi qabad tazza bi ftit ilma fiha u beda jżommha f’idu. Għollieha ‘l fuq biex l-istudenti jkunu jistgħu jarawha sew u staqsa, ‘Kemm taħsbu li tiżen din it-tazza?’

‘Ħamsin gramma’…… ‘Mitt gramma’…….. ‘Mija u għoxrin gramma’….. bdew iwieġbu l-istudenti.

‘Jien ma nistax inkun naf eżatt sakemm ma niżiniex,’ qal il-professur, ‘imma l-mistoqsija tiegħi hija din : X’jiġri jekk jien inżommha hekk għal ftit minuti?’…

‘Xejn’ …… qalu l-istudenti.

‘Issa x’jiġri jekk jien inżommha hekk mgħollija ‘l fuq għal siegħa sħiħa?’

‘Tibda tuġgħek idejk’ qal wieħed mill-istudenti.

‘Sewwa qed tgħid! Issa x’jiġri jekk inżommha ġurnata sħiħa?’

‘Torqodlok idejk, jista’ jkollok stress kbir fil-muskoli u wisq probabbli jkollok bżonn tmur l-isptar!’ għajjat student u l-oħrajn infaqgħu jidħku.

‘Tajjeb. Imma matul dan il-ħin kollu, il-piż tat-tazza nbidel?’ reġa’ staqsa l-professur.

‘Le’ kienet ir-risposta.

‘Allura x’ikkawża l-uġigħ u l-istress fil-muskoli?’

L-istudenti nfixlu.

‘X’għandi nagħmel issa biex ma nibqax muġugħ?’

‘Niżżel it-tazza!’ qal wieħed mill-istudenti.

‘Eżatt!!’ wieġeb il-professur.

Naħsbu ftit…

Il-problemi tal-ħajja qishom din it-tazza bl-ilma. Żomm problema fuq moħħok għal ftit minuti u ma jiġri xejn. Aħseb fuqha għal ħafna ħin u tibda ‘tweġġgħek’. Żommha fuq moħħok iżjed ħin u tibda toħloqlok stress kbir.

Tajjeb li taħseb fuq il-problemi, imma HU AKTAR IMPORTANTI li ‘tniżżilhom’ fl-aħħar ta’ kull ġurnata qabel tmur torqod…..

B’dan il-mod ma tkunx stressjat iżżejjed u tqum kull filgħodu frisk u b’saħħtek lest biex tiffaċċja kull problema u kull sitwazzjoni diffiċli li tista’ tiltaqa’ magħha.

Għalhekk, meta tibda l-ġurnata, Ftakar ħabib biex ‘Tniżżel it-tazza llum!’

Nidħku ftit…

Sajjied għamel ġurnata sħiħa jistad u ma qabad xejn, iżda ma riedx imur id-dar b’idu vojta għax kien iħobb jiftaħar bħal ħafna mis-sajjieda. Imma billi ma kienx giddieb, mar għand wieħed li jbigħ il-ħut u xtara erba’ sargi sbieħ. Meta wiżinhomlu u ħallashom mar ħdejn il-bieb ta’ barra u qal lill-bejjiegħ :

‘Waddabhomli wieħed wieħed!’

Dak raha stramba l-affari u qallu, ‘Tista’ tgħidli għaliex tridni nwaddabhomlok wieħed wieħed?’

‘Biex lill-mara ngħidilha li qbadthom jien!’

Meħuda minn Mitt Ċajta għall-Widna ta’ Kulħadd – It-Tieni Mija ta’ Salvinu Lombardi

Tislijiet

Elisa Vassallo

Josette Attard

Għalliema tal-PSCD

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *